Internazzjonali

“Filwaqt li lesti biex nimxu waħedna, nisperaw li nimxu mal-ħbieb tagħna fl-Ewropa” – Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Rubio

Bid-diskors tant mistenni tas-Segretarju tal-Istat Marco Rubio, fil-Munich Security Conference, hu pprovda ċertu serħan il-moħħ lill-Gvernijiet Ewropej. Din il-konferenza għandha l-għan li tlaqqa’ diversi mexxejja intenazzjonali biex jiddiskutu s-sigurtà internazzjonali.

Waqt li beda d-diskors tiegħu b’insistenza li l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli huwa terminu użat wisq u li s-suppożizzjoni li din l-ordni tissostitwixxi l-interess nazzjonali kienet “idea banali”, Rubio kien ċar meta qal li l-Istati Uniti trid tagħti ħajja ġdida lill-“ħbiberija” bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.

Hu stqarr li, jekk hu neċessarju, “l-Istati Uniti hija lesta li timxi l-quddiem waħedha”.

Intant, Rubio ikkritika l-utilità tan-Nazzjonijiet Uniti peress li – skont hu m’għandiex t-tweġibiet għal l-iktar problemi importanti u ma kellha l-ebda rwol fihom.

Hu ta serħan il-moħħ lill-kapijiet tal-istati Ewropej preżenti bl-istqarrija tiegħu li waqt li ħafna kienu qed ibassru t-tmiem tal-alleanza transatlantika, “dan hu la l-għan tagħna u lanqas x-xewqa tagħna”.

Rubio kkonkluda d-diskors tiegħu b’dikkjarazzjoni li l-Gvern Amerikan qiegħed joħloq triq ġdida l-quddiem bix-xewqa li l-ħbieb Ewropej tal-Amerika jgħinu f’dan l-att.