Matthew Doyle, strateġista elettorali ewlieni tal-Partit Laburista fir-Renju Unit, bħalissa jinsab f’nofs maltempata politika li qed tħawwad lil dan il-partit f’Westminster. Għal snin twal kien meqjus bħala l-moħħ wara l-messaġġi dixxiplinati u l-kampanji kalkulati tal-Labour f’dak il-pajjiż iżda dak li sar magħruf dwaru dan l-aħħar flimkien mat-tensjoni interna li nħolqot kif ukoll allegazzjonijiet dwar l-istil tiegħu ta’ tmexxija poġġew lilu stess fl-attenzjoni tal-midja.
Meta isem li normalment jaħdem wara l-kwinti jispiċċa fl-ewwel paġni tal-aħbarijiet, il-ħsara tista’ tkun immedjata, anki jekk ma jkunx hemm akkużi ta’ illegalità. Il-pressjoni pubblika u interna tista’ tbiddel bilanċi delikati fi ħdan Partit li jkun jinsab f’fażi kruċjali, bħalma jinsab il-Labour Party fl-Ingilterra.
Hu propju f’dan il-kuntest li l-istorja tieħu dimensjoni ‘Maltija’ għaliex f’din l-aħħar sena Doyle kien ingaġġat mill-Malta Film Commission b’kuntratt ta’ sitt xhur (li jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar) b’remunerazzjoni ta’ madwar €28,000 bħala konsulent strateġiku fil-komunikazzjoni milli jidher fil-pożizzjoni ta’ part-timer.
Irid jingħad li dwar dan il-kuntratt ftit li xejn ħarġu dettalji għaliex il-Malta Film Commission, tipikament, irrifjutat li tagħti tagħrif rilevanti ħafna dwar x’kienu t-termini tal-ingaġġ u kif ix xogħol tiegħu kien evalwat.
Dan in-nuqqas ta’ ċarezza issa qed jakkwista piż ġdid. Ir-rabta personali tiegħu ma’ Johann Grech, il-Kummissarju tal-Films ta’ Malta, li hu wkoll strateġista elettorali tal-Labour f’Malta, tqajjem mistoqsijiet inevitabbli dwar il-konfini bejn politika partiġjana u istituzzjonijiet pubbliċi.
Il-punt mhux jekk il-kuntratt kienx legali iżda jekk kienx prudenti fid-dawl tal-profil politiku għoli ta’ Doyle. L-industrija tal-films f’pajjiżna qalulna li saret ‘pilastru ekonomiku importanti’ għal Malta u bħala tali trid tkun mibnija fuq reputazzjoni u fiduċja internazzjonali. Kull dell, anki indirett, jista’ jġib konsegwenzi lil hinn mill-persuni involuti.
Għal Doyle dan hu test personali u politiku. Il-karriera tiegħu s’issa kienet bażata fuq kontroll assolut tal-messaġġ u l-leadership waqt kriżijiet. Illum hu jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-istrateġija. Għal Malta, il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: meta l-politika internazzjonali tmiss istituzzjonijiet lokali, it-trasparenza mhix għażla imma sempliċiment obbligu.
Il-passi tal-PM Starmer dwar Matthew Doyle
Wara r-rivelazzjonijiet li Matthew Doyle ħadem favur kunsillier tal-Labour Party li hu pedofilu, il-PM Sir Kier Starmer irtiralu l-Whip. Ħa passi oħra wkoll.
//= $special ?>

