Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Paula Mifsud Bonnici u Ivan Bartolo, il-Partit Nazzjonalista spjega kif skont rapport li għadu kif ħareġ il-Bank Ċentrali ta’ Malta jirriżulta bl-aktar mod ċar li minkejja li dan il-Gvern jiftaħar tant li Malta kellha tkabbir ekonomiku f’dawn l-aħħar snin, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni soċjali qed tkompli tiżdied u hija simili għal dik ta’ pajjiżi bi prestazzjoni ekonomika ferm aktar dgħajfa.
Il-PN ilu snin twal jinsisti fuq il-bżonn li l-Gvern jibda jindirizza din is-sitwazzjoni u ma jibqax jitfa’ din il-problema taħt it-tapit.
Skont din l-istess analiżi, l-aktar nies li qed ibatu minħabba nuqqas ta’ strateġija ta’ dan il-Gvern huma l-anzjani. Ir-rata ta’ anzjani f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedet bi kwazi seba’ punti perċentwali f’dawn l-aħħar għaxar snin, biż-żieda tkun partikolarment qawwija fost in-nisa li għandhom aktar minn 65 sena, fejn ir-rata żdiedet b’9.5 punti perċentwali.
Fil-fatt l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2024 b’kollox f’Malta kien hawn kważi 20% tal-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġifieri ftit aktar minn 108,000 persuna. Ir-rata ta’ dawk fir-riskju tal-faqar – ibbażata biss fuq id-dħul – kienet fil-livell ta’ 17% jew 93,000 ruħ. L-aktar kategoriji vulnerabbli, dejjem skont l-NSO, huma t-tfal taħt it-18-il sena (24%) u l-anzjani (29%).
Dan il-Gvern irnexxielu joħloq distakk qawwi bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit, bid-distakk ikompli jitwessa’ – sitwazzjoni riflessa fin-numru ta’ soup kitchens li qed jiżdiedu, u li ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda kif ukoll fin-numru ta’ persuni li ma baqgħalhomx saqaf fuq rashom.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun ta’ spalla għal din il-faxxa kbira tas-soċjetà li għandha bżonn lil min jifhem il-problemi li għaddejjin minnhom u joffrilhom politika li tissarraf f’miżuri li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tagħhom
//= $special ?>

