L-14 ta’ Frar magħrufa bħala l-aktar ġurnata romantika tas-sena, Jum San Valentinu.
Minn fjuri għall-kartolini, ċikkulatini, soft toys u ikliet, ġurnata li ħafna jieħdu l-opportunità biex juru l-imħabba u l-apprezzament tagħhom lill-maħbubin tagħhom u anke lill-membri tal-familja jew ħbieb.

NetNews mar ftit fit-toroq ta’ Tas-Sliema fejn bosta rħewla sabiex jixtru l-bukketti tal-ward aħmar fost l-oħrajn. U staqsejna lin-nies, jekk jiċċelebrawx dan il-jum ta’ mħabba.
U minkejja li bosta stqarrew li jiċċelebraw dan il-jum, koppja anzjana spjegaw li tant ilhom flimkien li ma jħossux li Jum San Valentinu hija biss ġurnata waħda, imma l-ġranet kollha li huma jqattgħu flimkien.
Meta nqabblu l-irġiel man-nisa, tqum id-diskussjoni dwar min hu l-aktar romantiku. U kienet din propja l-mistoqsija li saqsejna.
Fejn kien hemm min qalilna li t-tnejn huma romantiċi u oħrajn li qalulna li jħallu f’idejn ir-raġel għaliex hu aktar romantiku minnhom.

Tradizzjonalment Jum San Valentinu huwa abbinat mal-maħbubin iżda maż-żmien, ħafna saru jabbinaw din il-ġurnata bħala waħda li fiha tiġi ċċelebrata l-imħabba, sew jekk hux bejn il-maħbubin, il-familja, u anke l-ħbieb.
Filfatt, fl-aħħar snin rajna t-terminu ‘galentines’, terminu li jirreferi għall-Jum San Valentinu iżda bejn il-ħbieb nisa u cioè “girls’ valentines”.

