Fid-diskors tagħha fil-Munich Security Conference, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen appellat għal iżjed indipendenza Ewropea fi żmien volatili. “M’hemmx għażla oħra”, żiedet hi.
Stqarret li f’dawn l-aħħar xhur l-Ewropa rċiviet “shock therapy” u li l-Istati Uniti kienet qabżet ċerti limiti – b’referenza għat-theddid minn Trump għall-impożizzjoni ta’ tariffi fuq pajjiżi li ma jħallux lill-Istati Uniti takkwista lil Greenland.
F’era fejn hi diffiċli biex tbassar x’se jiġri għada, von der Leyen wissiet li l-Ewropa għandha bżonn tnaqqas id-dipendenza fuq l-Istati Uniti u tiżviluppa s-saħħa tagħha. Filwaqt li qalet li l-Ewropa għandha tqum fuq saqajha, hi ċċarat li dan ma jfissirx separazzjoni mill-Istati Uniti.
Infatti, l-President sosniet li Ewropa indipendenti tkun iżjed kapaċi biex tkun alleat affidabli għall-Istati Uniti. Hi enfasizzat li Ewropa indipendenti għandha taħdem id f’id mal-Istati Uniti iżda ma tkunx totalment dipendenti fuqha.
Von der Leyen semmiet ukoll l-importanza tal-ħbiberija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Hi appellat li fi żmien tant volatili, l-UE u r-Renju Unit għandhom jersqu lejn xulxin, u li għaxar snin wara l-vot ta’ Brexit il-futuri taż-żewġ pajjiżi huma iżjed marbutin flimkien minn qatt qabel.
“L-Ewropa għandha tkun iżjed indipendenti” – Il-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen


