Lokali

L-inizjattiva “KWAREŻIMA” għal żmien ir-Randan

“Il-poplu Malti u Għawdxi partikolarment dawk li għandhom it-tfal jeħtieġ jiġu esposti għat-tradizzjonijiet li jimxu mal-pass tal-istaġuni u l-festi li huma tant għal qalb il-Maltin.”

Kien dan il-messaġġ li wasslet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, waqt it-tnedija tal-attività, “Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni” li se ssir b’risq il-Malta Community Chest Fund – attività marbuta mar-Randan u mal-festi tal-Ġimgħa l-Kbira.

Mifruxa fuq jumejn, mis-Sibt 7 sal-Ħadd 8 ta’ Marzu, din l-attivita għall-familja kollha se ssir fil-Palazz tal-Verdala, fil-Buskett. Fejn wieħed se jkun jista’ jgawdi minn esebizzjonijiet – fosthom dawk bis-smid u l-melħ, programmi mużikali u kunċerti, u anke diskussjonijiet minn esperti li jispeċjalizzaw fil-perjodu tal-Ġimgħa l-Kbira. Se jsiru wkoll purċissjonijiet tat-tfal, rappreżentazzjonijiet u diversi attivitajiet oħrajn.

Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, spjegat l-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva – filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku sabiex jattendi.

Intant, f’kummenti lil NET NEWS, id-direttur artistiku ta’ KWAREŻIMA, Brian Bonnici elenka l-attivitajiet li se tkun qed tinkludi din l-inizjattiva mifruxa fuq jumejn. Fosthom il-mixja bibblika, il-purċissjoni penitenzjali u Via Matris – purċissjoni mit-tfal .

Din hija l-ewwel darba li ‘Kwareżima’ se tkun qed tittella’. U kull min jattendi se jkun qed igawdi l-elementi ta’ arti u tradizzjonijiet; kollha mħalltin flimkien.