Internazzjonali

“M’aħniex ir-Renju Unit mis-snin ta’ Brexit” – Il-Prim Ministru Britanniku Starmer

Fid-diskors tiegħu fil-Munich Security Conference, il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer stqarr li r-Renju Unit m’għadux qed iħares ‘il ġewwa iżda qed jaħdem għal kooperazzjoni iktar profonda mal-Unjoni Ewropea.

Starmer wissa li l-Ewropa – inkluż ir-Renju Unit – għandha tqum fuq saqajha u li għandha tkun lesta biex tiddefendi lilha nfisha. Skont Starmer, l-Ewropa hija “ġgant rieqed” u li l-ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej huma għaxar darbiet ikbar minn tar-Russja.

Hu wissa lill-mexxeja tal-pajjiżi Ewropej biex jaħdmu flimkien u mar-Renju Unit dan sabiex flimkien jibnu Ewropa iżjed b’saħħitha u fl-istess waqt in-NATO ikollha membri Ewropej iżjed lesti biex jikkontribwixxu.

Starmer intlaqgħa b’applaws kbir meta ddikkjara li r-Renju Unit m’hijiex ir-Renju Unit mis-snin ta’ Brexit għax “aħna nafu li f’dinja iżjed perikoluża, billi nħarsu ‘l ġewwa nkunu qed inċedu l-kontroll”.

Fir-rigward tat-tibdil fil-foreign policy tal-Istati Uniti, Starmer qal li minflok ma tissostitwixxi l-Istati Uniti, l-Ewropa għandha tiddiversifika u tnaqqas ċertu dipendenzi. Dan – skont hu – imexxi lill-Ewropa minn stat ta’ dipendenza eċċessiva għal stat ta’ interdipendenza – jiġifieri li l-Ewropa tispiċċa tiddependi fuq bosta pajjiżi u bosta pajjiżi jispiċċaw jiddependu fuq l-Ewropa.

Starmer bagħat messaġġ ċar lill-membri kollha tan-NATO meta ddikkjara li l-impenn tar-Renju Unit lejn id-difiża tal-pajjiżi l-oħra fl-alleanza hija profonda issa daqs kemm kienet qatt qabel, u li jekk ikun neċessarju, r-Renju Unit jiġi jgħinhom illum.