Fit-tieni jum tal-Munich Security Conference li qed iseħħ fil-Ġermanja, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President Ukren Volodymyr Zelensky, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte, u Senatur Amerikan Roger Wicker ipparteċipaw f’panel discussion intitolat ‘Coalition of the Able? Securing Long-Term Support for Ukraine‘.
Zelensky beda b’diskors fejn irringrazzja lill-pajjiżi tan-NATO għal kull tip ta’ assistenza li offrew u lill-pajjiżi oħrajn – bħal Malta – li appoġġjaw lill-Ukrajna taħt l-invażjoni mir-Russja b’mod politiku u b’assistenza umanitarja.
Hu wkoll tkellem fuq kif qed isofru ċ-ċittadini Ukreni taħt il-gwerra tar-Russja li ġimagħtejn oħra se tidħol fir-raba’ sena tagħha. Zelensky iddikkjara li l-appoġġ mill-imsieħba tagħha kien essenzjali għad-difiża tal-Ukrajna mill-attakki tar-Russja u li l-Ukreni huma grati ta’ dan għal dejjem.
Zelensky ħabbar li bejn Diċembru u Jannar, l-Ukrajna qatlet 65,000 suldat Russu fid-difiża tat-territorju tagħha – 90% minnhom inqatlu bid-drones.
Fl-istqarrija tiegħu hu wissa li Viktor Orbán – il-Prim Ministru Ungeriż li ilu jimbokka assistenza mill-UE lejn l-Ukrajna – qiegħed jimla żaqqu minflok ikabbar il-militar Ungeriż biex iwaqqaf lill-militar Russu milli jirritorna fit-toroq tal-kapitali Ungeriża ta’ Budapest.
Roberta Metsola, minn naħa tagħha ħabbret li l-ġimgħa d-dieħla se tkun qed tiffirma self ta’ €90 biljun lill-Ukrajna li kien miftiehem fl-Unjoni Ewropea iżjed malajr minn qatt qabel. Dan – skont hi – huwa wirja ċara li l-Ewropa tappoġġja lil-Ukrajna.
Hi żiedet li dan kien ċar ukoll fiċ-ċeremonja tal-ftuħ tal-Olympics tax-Xitwa fl-Italja fejn l-akbar applaws mill-udjenza kien għad-delegazzjoni Ukrena.
Metsola fakkret li l-istati membri fl-Unjoni Ewropea għollew bil-kbir l-infiq fid-difiża tagħhom, addottaw pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, u li żewġ stati membri ssieħbu fin-NATO wara l-invażjoni Russa.
Dan, qalet Metsola, huwa ta’ interess personali għaliha peress li wieħed mit-tfal tagħha qiegħed iservi fl-armata tal-Finlandja.
Metsola stqarret ukoll li l-Ukrajna qiegħda tiġġieled għal-libertajiet li l-Ewropej kienu ħaduhom bħala fatt. Hi enfasizzat ukoll li l-appoġġ lejn l-Ukrajna mhuwiex karità għax l-UE għandha bżonn lill-Ukrajna.
Metsola u Zelensky jiddiskutu l-appoġġ lejn l-Ukrajna fil-Munich Security Conference


