Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
■ L-IVA kiseb 77 fil-mija tal-voti validi iżda ma kienx f’maġġoranza fost l-elettorat.
■ Kważi 40 fil-mija tal-votanti reġistrati ma vvutawx prinċipalment fuq direttiva tal-PN.
■ Ir-riżultat finali wera li minkejja maġġoranza relattiva favur l-Integration fost dawk li vvutaw, ma kienx hemm mandat nazzjonali biżżejjed biex ir-Renju Unit jibqa’ sejjer ’il quddiem bil-proposta.
KONKLUŻJONI UFFIĊJALI: Il-proposta ma kisbitx il-kunsens nazzjonali u l-proċess twaqqaf kompletament.
Kieku…
Kieku l-proposta tal-Integration kienet approvata fir-Referendum tal-1956, sa tmiem is-snin sittin Malta kienet tkun diġà saret dik magħrufa bħala Crown Region of Britain, imfittxija biss għall-bażi militari tagħha.
Il-kultura u l-lingwa Maltija kienu jsofru minn pressjoni kontinwa biex ikunu dejjem aktar allineati mas-sistema Ingliża, il-Malti fl-iskejjel u madwarna jonqos, l-Ingliż isir dominanti u, ċertament, il-Knisja kienet tkun tilfet ħafna mill-kapaċità tagħha li tmexxi lill-poplu Malti fil-valuri li dejjem ħaddan.
Fis-snin sebgħin, waqt li l-Irlanda u stati żgħar oħrajn kisbu aktar sovranità, Malta kienet tibqa’ bla stat tagħha, bla bandiera tagħha, u bla diplomazija. Il-kummerċ kollu kien ikollu jgħaddi minn Londra, u l-iżvilupp ekonomiku kien jibqa’ marbut u riekeb fuq in-nefqa militari Ingliża.
Ma kienx ikollna Bank Ċentrali jew policies li jkunu skont il-ħtiġiet diretti tagħna. Fis-snin disgħin, waqt li l-Ewropa fetħet il-bibien għal pajjizi pjuttost żgħar, Malta ma kinetx tkun tista’ tapplika – Malta mhix stat, mhix sovrana, ma setgħetx tkun kandidat.
L-industriji li llum huma pilastri ta’ pajjiżna – avjazzjoni, farmaċewtika, iGaming, servizzi finanzjarji u oħrajn – qatt ma setgħu jitfaċċaw f’pajjiżna għaliex regolati direttament minn Whitehall.
Imbagħad niġu għall-2016: Brexit: Malta bħala parti mir-Renju Unit kien ikollha, kontra r-rieda tagħha, toħroġ mill-UE.
Fl-2026, Malta kienet tkun reġjun tal-periferija, mingħajr stat, mingħajr vuċi, mingħajr Ewropa.
Kieku… Dik setgħet kienet l-istorja tagħna.
Fil-Kabinett Ingliż…
Kif wieħed jista’ jimmaġina, fil-Kabinett Ingliż kienet għaddejja diskussjoni, ħafna drabi ta’ tħassib u indeċiżjoni dwar l-integrazzjoni eventwali ta’ Malta mir-Renju Unit.
Mid-dokumenti uffiċjali (il-Cabinet Papers) wieħed jista’ jara li din id-diskussjoni seħħet kemm qabel u aktar u aktar wara r-Referendum inkonklussiv ta’ 70 sena ilu. Din id-diskussjoni kienet bażata kemm fuq l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji tal-Integration, kif ukoll tar-riskju kostituzzjonali li kienet tippreżenta.
Qabel ir-Referendum
Fl-aħħar xhur tal-1955 u fil-bidu tal-1956, il-Kabinett tal-Prim Ministru Anthony Eden (Konservattiv), enfasizza l-ħtieġa ta’ mandat ċar mill-poplu Malti.
Il-Foreign Office (CAB128/56) wera tħassib dwar kif l-Integration setgħet tkun interpretata bħala preċedent għal kolonji oħra.
Selwyn Lloyd, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin, fit-18 ta’ Jannar, 1956, kien qal hekk: Any approval must be unequivocal; Malta is small but the implications for Westminser are significant.
Alan Lennox Boyd, il-Minis-tru għall-Affarijiet Kolonjali, irrimarka li l-PN u l-Knisja Kattolika kienu qed imexxu kampanja qawwija ta’ oppożizzjoni għall-Integration u dan seta’ jagħmel kwalunkwe mandat politiku “highly contentious.”
Il-kabinett iddiskuta l-aspett ekonomiku kemm lesti jappoġġjaw il-wegħdiet tal-MLP dwar salarji u welfare “on a par with British level”, imma sostnew li dawn kienu jeħtieġu garanziji legali. Il-Gvern Ingliż kien kawt dwar il-feasibility politiku ta’ MPs Maltin fil-Parlament Ingliż kif ukoll dwar l-impatt fir-relazzjonijiet bejn Knisja u Stat.
Wara r-Referendum
Fl-4 ta’ Marzu 1956 – meta riżultat tar-Referendum kien magħruf u analizzat – il-kabinett eżamina l-implikazzjonijiet fuq il-politika interna u barranija.
Fil-memorandum tiegħu lill-Kabinett, Eden kiteb hekk: the clear rejection obliges us to reconsider constitutional arrangement without undermining Malta’s stability.
Fil-Cabinet Papers (CAB130/ 56;FO371/1294/4) naqraw dwar tħassib rigward il-ħtieġa li jiġu żgurati welfare guarantees imwiegħda lill-poplu Malti filwaqt li jkun rispettat ir-rifjut tar-Referendum. Il-Kabinett enfasizza li s-self government Malti jrid jibqa’ jkun protett sakemm titħejja triq għall-Indipendenza.
Id-diskussjonijiet fil-Kabinett urew ukoll li, għalkemm l-Integration kienet rifjutata, l-istess Kabinett kien anzjuż biex jibqa’ jipproteġi l-interessi strateġiċi fir-reġjun tal-Mediterran.
(Sorsi: UK National Archiver: CAB128/56; CAB130/56; FO37/129129414)
… u fil-midja Ingliża
Il-midja Ingliża esprimiet pożizzjoni differenti dwar ir-Referendum tal-1956, tista’ tgħid skont l-orjentazzjoni politika li kienet tappartjeni.
Konservattivi
The Spectator (10 ta’ Frar 1956) wissa li l-proposta ta’ Mintoff kienet “logħba perikoluża”. Qalet li l-PN u l-Knisja Kattolika kienu immobilizzaw l-opinjoni pubblika biex ifallu l-Integration u dan seta’ jikkawza instabbiltà politika.
The Times (13 ta’ Frar 1956) irrimarkat li t-turnout baxx, influwenzat mill-bojkott tal-PN “kienet tagħmel kwalunkwe mandat politiku wieħed li jista’ jkun kontestat u, legalment mhux ċar.
Laburisti
The Manchester Guardian (15 ta’ Frar 1956) enfasizzat l-aspett soċjali: il-votanti Maltin, qalet, fittxew “ugwaljanza fil-pagi u s-servizzi soċjali ma’ dawk Britanniċi.”
Tabloids
The Daily Express enfasizzat l-ispiża li kienet tinvolvi lill-Ingliżi fil-qasam tal-welfare.
The Manchester Guardian irrimarkat dwar il-bżonn li fuq kollox, ikunu protetti l-valuri u l-identità Maltija.
■ B’mod ġenerali l-midja Ingliża wriet narrativa diviża: il-konservattivi enfasizzaw ir-riskju kostituzzjonali u l-leġittimità tal-proċess u l-Laburisti enfasizzaw l-ugwaljanza soċjali u l-benefiċċji ekonomiċi.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 14 ta’ Frar.
//= $special ?>

