Ingliż ta’ 41 sena minn Cuckfield, fir-Renju Unit, u residenti Għajnsielem, tressaq il-Qorti ta’ Għawdex mixli bil-qtil involontarju ta’ Joey Cutajar wara inċident fatali li seħħ f’Għajnsielem nhar il-Ħamis. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien qed isuq karozza meta seħħet ħabta ma’ mutur misjuq mill-vittma, li kellu 44 sena u li huwa missier ta’ żewġt itfal u eks membru tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Minbarra l-akkuża ta’ qtil involontarju, Dominic Peter Hedges ġie mixli wkoll li kkawża ħsara involontarja, li saq b’mod perikoluż u traskurat, kif ukoll li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.
Fil-Qorti xehed l-Ispettur Keith Scerri, li mexxa l-Prosekuzzjoni u ppreżenta l-informazzjoni miġbura mill-Pulizija dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident. Il-vittma, missier ta’ żewġt itfal u eks membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, tilef ħajtu kawża tal-ġrieħi li sofra fil-ħabta.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Id-difiża ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet opposta mill-Prosekuzzjoni. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-bail u ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest preventiv sakemm ikompli jinstema’ l-każ.
L-inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tas-6:45 fi Triq Borg Għarib, fejn Cutajar ta’ 44 sena residenti n-Nadur sfortunatament tilef ħajtu f’dan l-inċident. Il-vittma minnufih kien ingħata l-għajnuna minn tim mediku, iżda sfortunatament kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-vittma kien qed isuq mutur tal-għamla SuperSoco fi Triq Borg Għarib meta kien involut f’ħabta ma’ karozza Volkswagen Polo misjuqa mill-Ingliż. Għall-akkużat deher l-Avukat Carmelo Galea, filwaqt li l-Avukat Kevin Mampalao irrappreżenta lill-familjari tal-vittma bħala parte ċivile.
//= $special ?>

