Ewropa

“Se nibqgħu naħdmu għall-paċi spalla ma’ spalla mal-Ukrajna” – Il-President Roberta Metsola fil-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola pparteċipat f’panel ewlieni waqt konferenza dwar is-Sigurtà f’Munich, Il-Ġermanja. Flimkien mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte, u s-Senatur tal-Istati Uniti Roger Wicker, il-President Metsola tkellmet dwar il-ħtieġa għall-paċi. Matul id-diskussjoni, mmexxija minn Christiane Amanpour minn CNN, il-President Metsola wasslet messaġġ ċar dwar il-futur tad-difiża Ewropea u l-ħtieġa ta’ appoġġ sod għall-Ukrajna.

B’ħarsa ‘l quddiem lejn ir-raba’ sena mindu seħħet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar, il-President Metsola kkonfermat li se tiffirma self ta’ €90 biljun biex tkopri l-bżonnijiet tal-Ukrajna waqt sessjoni plenarja speċjali. Hija affermat mill-ġdid li l-futur tal-Ukrajna jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea, filwaqt li faħħret l-impenn tagħhom li jkunu lesti għas-sħubija tagħhom sal-2027.

Ilbieraħ, il-President Metsola pparteċipat ukoll f’diskussjoni ta’ livell għoli ffukata fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani u l-Iran. Hija ddikjarat: “Id-dinja qed tara mewġa ta’ bidla fl-Iran. In-nies fit-toroq se jibdlu l-kors tal-istorja. Issa huwa ż-żmien li nirdoppjaw l-appoġġ tagħna għal-libertà għall-poplu tal-Iran. Għall-ġlieda tagħhom għal-libertà, u għat-tmiem tat-tixrid tad-demm. Hekk kif il-Parlament Ewropew mexxa l-ispinta għas-sanzjonijiet u biex l-IRGC titqies bħala organizzazzjoni terroristika, aħna se nżommu l-pressjoni. L-Iran se jkun ħieles.”