Id-diskussjoni b’rabta mal-4 day week għandha tkun ibbażata fuq livell nazzjonali; kemm fuq il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol kif ukoll bħala neċessità għal kwalità tal-ħajja.
Dan ħareġ mill-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent on Sunday fejn tkellem dwar in-neċessità tad-diskussjoni msejsa fuq ir-realiżmu u d-djalogu bbażati fuq il-flessibiltà u s-sens komun.
L-editur faħħar id-diskussjoni xprunata miż-żewġ unions maġġuri tal-ħaddiema kif ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – fejn għaraf il-ħtieġa ġenwina li l-kwalità tal-ħajja tal-impjegati titjieb bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja. L-editur kompla jgħid li l-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem hija waħda li żżomm fi ħsiebha kemm il-ħin fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-ħajja personali, madanakollu qabel dwar l-importanza li jintlaħaq bilanċ u mhux tittieħed deċiżjoni li tgħodd għal kulħadd – proprju kif insista l-istess Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
Filwaqt li fl-editorjal issemmew l-isfidi li din il-proposta tista’ ġġib magħha kemm minħabba l-kundizzjonijiet varji tax-xogħol kif ukoll li hija bidla qawwija mill-mentalità li bħala pajjiż ilna mdorrijin biha snin twal – l-editur jgħid li d-diskussjoni m’għandhiex titwaqqaf.
L-Independent tfakkar fil-ħtieġa tal-innovazzjoni u tinsisti li m’hemmx għalfejn il-ħsieb jibqa’ mwaħħal ma’ prattiċi passati. Għal kuntrarju, fl-editorjal isemmi kif Malta għandha tibqa’ konsistentament tinvesti fit-teknoloġija, diġitalizzazzjoni u taħriġ tal-impjegati – bl-investimenti bħal dawn iwasslu possibilment għal tnaqqis fin-numru ta’ sigħat tax-xogħol mingħajr ma tonqos il-kompetittività.
Intqal kif id-diskussjoni tal-four day week għandha tiġi kkunsidrata bħala opportunità li fejn hemm tieqa fejn jista’ jsir xi ħaġa tiddaħħal u fejn huwa ta’ sfida ma tiġix imposta iżda tinstab soluzzjoni.
L-editur saħaq li dan is-suġġett jimmerita diskussjoni nazzjonali sabiex il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tkompli taqleb għall-aħjar.
//= $special ?>
