Futbol Sport

Floriana jżommu l-ewwel post fil-klassifika, Marsaxlokk isegwuhom wara r-rebħa fuq Hibernians

(Ritratt: Floriana FC)

FLORIANA…………………….2

TARXIEN RAINBOWS…..0

Floriana: M.Picon Alcaro, M.Beerman (A.Mabea 59’), M.Veselji (C.Zammit Lonardelli 80’), K.Dervisagic (A.Abreau 64’), Z.Scerri, D.Vella, O.Spiteri, M.Jah (M.Linhares 59’), C.M’Mombwa (N.Varela 46’), I.Perreria Mendonca, P.Mbong

Tarxien Rainbows: A.Lubik, M.D’Alessandro, A.Gaafar, H.Da Silva, A.Lokosa, H.Da Silva Barbosa (K.Gatt 88’), F. De Oliveira Junior (A.Valcerde Ledezma 57’), P.Panic, P.Schmidt (K.Donsu 88’), A.Vella (S.Mizzi 88’), M.Grima

Referee: Joseph Scerri

Plejer tal-Logħba: Myles Beerman (Floriana)

Florian żammew l-ewwel post f’ras il-klassifika meta għelbu lil Tarxien Rainbows mingħajr ebda diffikultà. Żewġ gowls mill-isbaħ mill-prodott ta’ Floriana, Myles Beerman, li reġa ngħaqad mal-Greens f’Jannar li għadda u diġa skorja tlett gowls fl-ewwel seba’ partiti tiegħu mal-Greens. Minn sitt partiti fil-Closing Round, u partita fl-Opening Round, Beerman lagħab id-90 minuta fil-partiti kollha s’issa mal-Greens.

Il-Greens marru fil-vantaġġ minnufih hekk kif Beerman sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx wara 3 minuti. Tarxien ipprovaw jirrispondu fis-16-il minuta pero l-konklużjoni tisfaxxa fix-xejn.

Tarxien Rainbows ħasbu li għamlu l-iskor indaqs żewġ minuti wara meta skorjaw minn freekick dirett, pero l-gowl ma kienx validu wara li r-referee Scerri kkonferma mal-uffiċjali l-oħra u ħassar il-gowl.

Tarxien jibqgħu perikolużi hekk kif fl-41 minuta jkollhom xutt imtajjar minn fuq il-linja mid-difiża Furjaniża.

Fit-43 minuta Floriana biċ-ċans li jirdoppjaw l-iskor hekk kif ingħataw penalty. Kien Jah li nkariga ruħu mill-penalty pero l-plejer mill-Gambja falli l-penalty tiegħu.

Kienet konklużjoni mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa ta’ Myles Beerman li wassal għat-tieni u l-aħħar gowl tal-partita, u kkonfermaw it-tlett punti biex Floriana jinsabu fl-ewwel post b’16-il punt wara l-ewwel 6 partiti tal-Closing Round League Phase.

L-iskorer tad-dopjetta Myles Beerman jagħmel iċ-ċelebrazzjoni magħrufa tal-attakkant ta’ Arsenal Viktor Gyökeres (Ritratt: Floriana FC)

MARSAXLOKK……………….2

HIBERNIANS………………….1

Marsaxlokk: M.Calleja Cremona, W.Soares Da Silva, O. El Hasni, E.Pepe, N.Muscat (T.Caruana 79”, D.Linden (J.Kirby 71’), J.Carlos Corbolan (J.Ghio 86’), J.Ulises Arias (E.Attard 86’), J.Aliton Soares (I.Christie-Davies 70’), L.Aguirre, D.Simkus

Hibernians: L.Branescu, A.Silas, K.Shaw, M.Debattista, B.Kristensen (M.Ellul 32’), D.Xuereb (C.Attard 67’), K.Halabaku (C.Mendonca Padilha 77’), P. Nunes Silva, M.Lima Duarte Lopes (A.Diakite 68’), S.Akinbule, C.Silva dos Santos

Referee: Slobodon Petrovic

Plejer tal-Logħba: Ramus Dupont Linden (Marsaxlokk)

Marsaxlokk telgħu sostanzjalment fil-klassifika wara żelqiet numerużi minn timijiet oħra mill-kampjonat YoHealth Malta Premier, u riżultat b’saħħtu kontra Hibernians, biex jinsabu fit-tieni post, tlett punti biss ‘l bogħod minn Floriana.

Iċ-champions riċenti tal-BOV Super Cup ma rnexxielhomx iżommu l-momentum mir-rebħa kontra l-Ispartans it-Tlieta li għadda, u soffrew telfa kumbattuta f’din il-partita.

Marsaxlokk ħadu l-vantaġġ wara 25 minuta minn Rasmus Dupont Linden, bl-istess plejer Daniżi jirdoppja 5 minuti wara.

Hibernians naqqsu l-iskor fit-92 minuta permezz ta’ Pedro Henrique Nunes Silva, pero kien tard wisq għar-rimonta u t-tlett punti marru għal Marsaxlokk.