Internazzjonali

Gaża: Kompla l-qtil tal-Palestinjani, b’Iżrael jiddefendi ‘l-azzjonijiet kontra t-terroristi’

Un uomo palestinese di fronte a un edificio distrutto dagli attacchi aerei israeliani. (MARCO LONGARI/AFP/Getty Images)

Il-qawwiet ta’ Iżrael mill-ġdid attakkaw liz-zoni ta’ Gaża f’tentattiv biex huma ‘jikkontrollaw inizjattiva terroristika oħra’ mill-militanti tal-Ħamas… Attakk li fih inqatlu tal-anqas 14-il Palestinjan, b’oħrajn jisfaw midruba – dejjem skont il-membri tad-difiża ċivili Palestinjana fl-inħawi.

L-Armata Iżraeljana qed tinsisti li l-attakki kienu mirati għat-terroristi li, fi kliemha, kienu ilhom jabbużaw il-kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied li, fil-preżent, għadu qed iżomm… L-Iżraeljani tennew ukoll li l-militanti tal-Ħamas inqatlu waqt li kienu ħerġin minn mina biex javvanzaw lejn zona ta’ Gaża li tinsab taħt il-kontroll tal-militar.

Fl-istess ħin, il-ħaddiema mal-Fergħa Palestinjana tas-Salib l-Aħmar qalu li l-qawwiet Iżraeljani laqtu zona mimlija bit-tined tar-refuġjati – bir-riżultat li nqatlu numru ta’ residenti ċivili. Dan meta l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani laqtu wkoll l-inħawi lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaża, bir-riżultat li mietu talanqas ħames Palestinjani.

Kemm Iżrael, kif ukoll il-Ħamas, ta’ spiss qed jakkużaw lil xulxin dwar abbużi tal-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied li ilu effettiv mill-10 ta’Ottubru.

Dan meta l-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża, li hu mmexxi mill-Ħamas, tenna li nqatlu talanqas 600 Palestinjan mindu daħal fis-seħħ il-ftehim inkwistjoni.

Fil-fatt, inqatlu talanqas 35 Palestinjan waqt mewġa ta’ attakki mill-ajru fuq id-diversi nħawi ta’ Gaża matul dan ix-xahar.

Il-vjolenza, sadanittant, kompliet minkejja li għaddejjin it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied (f’Gaża) sponsorjat mill-Istati Uniti.

Dan ukoll meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ftit tal-ġimgħat ilu, ħabbar li qed iwaqqaf entità ġdida bl-isem ta’ Bord għall-Paċi… Bord li għandu wkoll mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex iwaqqaf forza internazzjonali bl-inkarigu li taċċerta s-sigurtà mal-fruntieri ta’ Gaża filwaqt li ssegwi l-proċess ta’ diżarm għall-grupp Ħamas.