Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima m’għandux idea meta se jkun qiegħed jitlesta t-teatru fl-iskola tal-performing arts.
F’kummenti mal-ġurnal Times of Malta Clifton Grima ammetta li din l-iskola, li proprju tiffoka fuq l-arti performattiva, għandha bżonn teatru….madanakollu ma jafx meta se jkollhom wieħed.
Grima stqarr li jinsab konxju bit-tħassib u l-kritika tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu f’din l-iskola li preżentament għandhom teatru, liema teatru madanakollu mhux sigur u jinsab fi stat dilapidat.
L-istudenti li jattendu f’din l-iskola sfortuntament qed ikunu mġiegħla jeżebixxu ruħhom f’diversi skejjel u teatri madwar il-pajjiż minħabba li l-iskola tagħhom ironikament m’għandhiex teatru funzjonabbli.
Din is-sitwazzjoni issa ilha għaddejja snin mingħajr soluzzjoni fil-viċin, hekk kif lanqas il-Ministru responsabbli nnifsu m’għandu idea ta’ meta se tkun qed tissolva din il-kriżi – b’diversi wegħdiet minn naħa tal-Gvern dejjem jisfumaw fix-xejn.
Agħar minn hekk, f’kummenti mat-Times, Grima qal li l-Ministeru ma jistax jikkommetti ruħu għal tali proġett hekk kif skont hu hemm diversi Ministeri oħrajn involuti…filwaqt li ammetta li s-sala li għandha din l-iskola fil-Ħamrun suppost hija ta’ standard għoli…madanakollu soluzzjoni baqa’ ma offriex.
Il-kwistjoni kollha qamet wara li ftit tal-jiem ilu, f’attività politika tal-Ħadd il-Mexxej Laburista Robert Abela kien qed jisma domandi u kummenti minn diversi studenti u fosthom kien hemm student li staqsa dwar din il-problema…. bil-Prim Ministru assolutament jinjora l-kumment u ma jikkumentax…ċioè Abela ħarab mid-domanda leġittima ta’ tifel li huwa nnifsu ġabu biex jistaqsih.
//= $special ?>

