Lokali

Ħġieg mill-gallariji jċedi f’Buġibba kawża tar-riħ qawwi

Il-Ħadd filgħodu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija kienu msejħa sabiex jintervjenu fi Triq Dawret il-Gżejjer f’Buġibba hekk kif irrappurtat periklu kawża tar-riħ qawwi li kien qed jaħkem iż-żona.

Dan hekk kif kaġun tar-riħ qawwi Forza 6 li qed jaħkem mal-kosta ta’ San Pawl il-Baħar, kien irrappurtat li xi ħġieġ mill-gallariji ta’ blokka ta’ appartamenti beda jċedi u konsegwenza ta’ hekk kien qed jiġi fit-triq.

Għaldaqstant l-Awtoritajiet għalqu temporanjament it-triq għas-sigurtà taċ-ċittadini.

Kelliema għall-uffiċju meteoroloġiku spjegaw li r-riħ mil-Lbiċ se jkun qiegħed idur mill-Majjistral u se jissokta bil-qawwa tiegħu fejn jaqbel – bit-twissija għandha tibqa valida sal-2200hrs tal-lejla.