Kif jgħid il-qawl Malti, ‘Frar ifawwar il-bjar’.
Wara tant ħidma u stennija mid-dilettanti, Ħadd il-Karnival kien ikkaratterizzat minn temp ta’ xita u riħ.
Konsegwenza tat-temp instabbli li ddomina l-jum, l-organizzaturi tal-Karnival ta’ Malta, infurmaw lil pubbliku li fuq struzzjonijiet tal-awtoritarjiet, l-attivitajiet fi Pjazza San Ġorġ għall-Ħadd waranofsinhar kienu se jinkludu ż-żfin kif pjanat iżda l-isfilata bil-karrijiet tħassret. L-organizzaturi tennew li l-programm ġie rivedut għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Diversi kienu dawk li tkellmu ma’ Net News fejn esprimew id-dispjaċir tagħhom wara tant xhur u ġimgħat ta’ sagrifiċji, f’sigħat twal ta’ ħidma. Madanakollu insistew li l-kwistjoni tat-temp sena wara oħra tkun possibiltà li jafu biha u jittamaw li fil-jiem li ġejjin ikunu jistgħu jgawdu frott xix-ogħol tagħhom u jagħtu gost lill-familji Maltin u Għawdxin.
Skont ir-rapport tat-temp maħruġ mill-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta it-temp għat-Tnejn u t-Tlieta mistenni jissokta jkun ikkratterizzat mill-maltemp li se jkompli jippersisti b’xita iżolata f’xi waqtiet tul il-jum tat-Tnejn filwaqt li fuq dawn il-jumejn ir-riħ mistenni jżid għal Forza 7.
Intant, il-Ħadd filgħodu, propju ftit tas-sigħat qabel ma tħarbat għal kollox il-programm tal-Karnival, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, iltaqa’ mal-organizzaturi u d-dilettanti tal-Karnival fil-Belt Valletta, fejn setgħa jara mill-qrib id-diversi karrijiet li jkunu ħadmu fuqhom matul is-sena..frott il-ħidma tal-voluntiera u s-sagrifiċċji tagħhom.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg kien akkumpanjat minn Sarah u ċ-ċkejken Sam.
//= $special ?>

