Sport

Il-Media ta’ Nocerina tgħid, li bħalissa Joseph Portelli jinsab f’Nocera

Il-President ta' Ħamrun Spartans, Joseph Portelli
Il-President ta' Ħamrun Spartans, Joseph Portelli

Fl-Italja, żviluppi ġodda dwar il-possibiltá li l-imprenditur Għawdxi, Joseph Portelli jixtri l-kabb tas-Serie D fl-Italja, Nocerina Calcio. Skont dak li qed jiġi rrapurtat fil-media Taljana, Portelli kiser is-silenzju, il-kliem tiegħu kien ċar u dirett:

“Jien interessat ħafna nixtri lil Nocerina.” Il-miljunarju Malti, kif deskritt mill-media f’Nocerina, ikkonferma pubblikament l-intenzjoni tiegħu li jakkwista l-klabb storiku ta’ Nocerina Calcio, pass li qajjem eċċitament fost il-partitarji.

Skont dan l-artiklu, Portelli bħalissa jinsab f’Nocera u qed jiddiskuti mal-President attwali; sinjal li n-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat.

Huwa spjega li l-kuntatti huma frekwenti u pożittivi, u li l-idea bdiet “xi xhur ilu”, b’interess li kiber bil-mod.

Il-pożizzjoni ġeografika, il-fatt li l-klabb hu viċin ta’ Napli u l-passjoni kbira tal-partitarji kienu fatturi deċiżivi.

“Aħna għandna ħaġa waħda f’moħħna – nirbħu,” qal Portelli b’determinazzjoni.

L-għan tiegħu hu li jibni proġett serju u kompetittiv, mhux sempliċi investiment. Għalkemm għad m’hemmx data definita, Portelli jittama li kollox jiġi konkluż fi ftit ġimgħat.

Il-partitarji ta’ Nocerina issa jistennew b’tama kbira bidu ġdid għall-klabb tagħhom.