Ġgant tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna li jibqa’ magħruf għall-integrità u l-lealtà tiegħu lejn l-ogħla standards fil-ġurnaliżmu
Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Laurence Grech li ħalla din id-dinja fis-sigħat li għaddew fl-età ta’ 77 sena – ġgant tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna li ħalla l-marka tiegħu fuq il-qasam ġurnalistiku f’Malta bħala editur tas-Sunday Times of Malta, imma wkoll bis-sehem tiegħu bħala opinjonista u kummentatur politiku anke wara li rtira minn karriera twila ta’ 60 sena fil-ġurnaliżmu.
Sa minn meta ngħaqad mat-Times fl-1963, u fid-diversi rwoli li serva fihom fosthom bħala editur tas-Sunday Times għal 16-il sena sa ma rtira fl-2007, u anke wara bħala konsulent editorjali u direttur tal-Allied Newspapers, fatturi ewlenin li kien jispikkaw f’Laurence Grech kienu l-integrità u l-lealtà tiegħu lejn il-prinċipji li kien iħaddan u l-ogħla standards fil-ġurnaliżmu.
Hu żamm ma’ dawn il-prinċipji anke fi żminijiet mhux daqstant feliċi għat-Times u għall-pajjiż, inkluż meta l-Progress Press ingħatat in-nar fil-15 ta’ Ottubru tal-1979 f’dak li jibqa’ magħruf bħala t-Tnejn l-Iswed.
Laurence jibqa’ wkoll magħruf għall-għarfien kbir tiegħu tal-istorja politika, soċjali u kulturali ta’ Malta, u kien meqjus minn ħafna bħala punt ta’ riferenza f’dan ir-rigward.
Laurence qatt ma ddejjaq isemma’ leħnu favur il-verità u l-ġustizzja, u ispira lil ħafna ġurnalisti oħra f’pajjiżna. Tant li b’rikonoxximent għall-ħidma kbira tiegħu f’dan il-qasam kien anke ġie ppremjat bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu f’Jum ir-Repubblika tal-2007. Fl-2019 il-kontribut kbir tiegħu matul ħajtu għall-ġurnaliżmu f’Malta kien rikonoxxut ukoll mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IGM, li onorah bil-Gold Award.
Għal żmien twil wara li rtira minn mat-Times, Laurence Grech kien ukoll wieħed mill-mistiedna regolari f’diversi programmi ta’ diskussjoni fuq it-televiżjoni u r-radju f’Malta, inkluż fuq Net Television, fejn kien ikun mistieden regolarment bħala kummentatur dwar il-qagħda politika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu bagħat il-kondoljanzi tiegħu u tal-PN lil martu u t-tlett itfal tagħhom.
Il-PN jibgħat il-kondoljanzi wkoll lill-kollegi kollha ta’ Laurence Grech fit-Times of Malta.
//= $special ?>

