Il-Prinjolata. Deżerta tradizzjonali għaż-żminijiet tal-karnival, li jagħmlu għaliha ħafna nies.
Ħelwa manna. Xprunata minn għeruq Sqallin u ġejja mill-Kelma ‘Pignolata’ – deżerta tieħu proċess pjuttost twil biex issir.
Fl-imgħoddi li kien jiġri, li peressli li l-Karnival jiġi qabel ir-Randan u matul l-40 jum tar-Randan ma kien jittiekel ħelu – id-dulċiera kienu jaqbdu l-kejk, l-isponge u l-gallettini li jkunu se jmorru għar-rimi u jgħaffġuhom mal-krema. Hekk propju nħolqot il-prinjolata.
Tradizzjonalment, Il-prinjolata hija magħmula minn gallettina bil-qoxra tal-lumi. Iżda hawn min iħobb juża wkoll sponge sabiex tiġi aktar ratba.
Dawn imbagħad jitħalltu ma’ meringa Taljana, krema, konfettura, prinjol jew lewż li jiġi użat kemm fuq ġewwa u anke fuq barra.
NET News, żar żewġ ħwienet prominenti tal-ħelu, Camilleri tal-Ħelu fil-Belt Valletta u Elia Cafe, il-Ħamrun.
Tkellimna mad-dulċier Pawlu Borg Bonaci, illi spjegalna fid-dettall, id-diversi proċessi biex issir prinjolata … kif ukoll l-oriġini tagħha.
Tkellimna wkoll ma’ Steven Bonello li huwa Pastry Chef Tournant, li spjegalna kif id-domanda fiż-żmien tal-Karnival għal din id-deżerta, hija waħda għolja ħafna – tant li f’ġurnata waħda biss ġieli jinbigħu mas-600 Prinjolata.
Il-Prinjolata, bħall-ħlewwiet l-oħrajn assoċjati ma’ festi differenti …inkluż il-figolli u ż-żeppoli ta’ San Ġużepp … issir darba f’sena. U jgħaddu kemm jgħaddu s-snin, id-domanda għal din id-deżerta dejjem tkompli tikber.
//= $special ?>
