Ir-Renju Unit talab biex tittieħed ‘azzjoni xierqa’ fil-konfront tar-Russja wara l-aħħar provi li Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa u priġunier politiku tal-Kremlin, spiċċa ivvelenat b’konsegwenzi fatali waqt li hu kien miżmum f’ħabs ta’ sigurtà massima fis-Siberja.
Ftit hemm dubju, issa, li l-qtil ta’ Navalny kien premeditat mill-awtoritajiet f’Moska u meta issa qed jingħad li l-qattiela użaw tip ta’ velenu rari li ġej miż-żrinġijiet u li magħruf bħala dart-frog toxin….Azzjoni li kkummentat dwaru fid-dettall is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Yvette Cooper.
Alexei Navalny kien fost l-akbar kritiċi tal-President Russu, Vladimir Putin minbarra li kien ilu s-snin meqjus bħala xewka f’dahar il-Kremlin
Il-laboratorji fl-Ewropa, proprju fl-aħħar jiem, ikkonfermaw li l-kawża tal-mewt ta’ Navalny kienet dovuta għall-imsemmi velenu rari – b’Cooper tinsisti li ‘seta’ ikun biss il-Gvern Russu li kellu l-mezzi, il-mottiv u l-opportunità biex jeħles minn dan l-avversarju ewlieni.’
Ir-Renju Unit, issa, qed jgħid li l-provi inkwistjoni jindikaw abbuż ċar tar-regoli internazzjonali li jirrigwardaw l-armi kimiċi. Yvette Cooper, issa, qalet li pajjiżha jrid jara azzjoni xierqa fil-konfront tar-Russja u li kapaċi twassal għal aktar sanzjonijiet koordinati fil-konfront ta’ Moska u Vladimir Putin.
Is-Segretarju Cooper, fl-aħħar jiem, attendiet il-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà, flimkien mal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer…Dan meta huma ħeġġew lill-Alleati Ewropej ta’ Londra viex ikunu ‘lesti li jiġġieldu’ – partikularment kontra t-theddid min-naħa tar-Russja,
Yvette Cooper spjegat li r-Renju Unit u l-Istati Alleati jridu jkunu lesti biex jiffaċċjaw l-aggressjoni tar-Russja…Aggressjoni li, fi kliemha, ‘tinkludi l-użu ta’ materjal tossiku u letali kontra ċ-ċittadini tal-istess Russja’.
Ir-Renju Unit, fil-fatt, kien fost il-ftit pajjiżi li baqgħu jinsistu għall-verità wara l-hekk-imsejħa ‘mewta misterjuża’ ta’ Alexei Navalny li tmur lura għal Frar tal-2024.
Il-Gvern Russu, intant, baqa’ jinsisti li Navalny miet ‘minn kawżi naturali’ u waqt li Yulia Navalnaya, l-armla tal-vittma, mill-bidunett sostniet li żewġha ‘kien spiċċa maqtul skont il-pjan tar-reġim ta’ Putin’.
//= $special ?>

