Lokali

Kollox miftuħ fit-taqtigħa għall-post mal-ewwel erba’ fis-Serie A wara draw bejn Napoli u Roma

(Ritratt: EPA)

Sassuolo għelbu lil Udinese fl-ewwel partita tal-Ħadd bl-iskor finali ta’ 2-1.

Udinese jiftħu l-iskor permezz ta’ Oumar Solet wara 10 minuti minn suġġeriment ta’ Ekkelenkamp.

In-Neroverdi jiskorjaw żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti permezz ta’ Armand Lauriente u Andrea Pinamonti fis-56 u fit-58 minuta.

Parma kisbu rebħa fl-aħħar sekondi fuq Hellas Verona ta’ 2-1. Adrian Bernabe jiskorja wara 4 minuti, u kollox jidher negattiv għall-avversarji ftit minuti wara meta Gift Orban intwera l-karta ħamra diretta.

Pero Hellas jirrispondu minkejja l-iżvantaġġ numeriku permezz ta’ penalty ta’ Abdou Harroui fit-43 minuta.

Il-gowl tar-rebħa jasal fit-93 minuta minn Mateo Pellegrino minn assist ta’ Hans NIcolussi Caviglia.

Bologna rritornaw għar-rebħ wara sensiela ta’ tlett partiti mingħajr rebħa wara li għelbu lil Torino 2-1.

Il-partita tinfetaħ fit-tieni taqsima, hekk kif fit-48 minuta Nikola Vlasic xeħet fix-xibka l-ħażina, pero 12-il minuta wara l-istess Vlasic jiskorja fix-xibka tal-avversarji u jagħmel l-iskor indaqs għal darb’oħra.

Il-gowl tar-rebħa jasal fis-70 minuta minn Santiago Castro.

Cremonese u Genoa spiċċaw fi draws ta’ bla gowls.

Fil-partita tal-ġurnata, draw li ma jiggwadanja ħadd minnhu bejn Napoli u Roma ta’ 2-2 li jħalli kollox miftuħ fit-taqtigħa għall-postijiet mal-ewwel 4 fil-kampjonat.

L-akkwist il-ġdid ta’ Roma Donyell Malen kellu partita mill-aqwa bid-dopjetta li skorja, bl-ewwel gowl jasal wara biss 7 minuti. Napoli damu sat-48 minuta biex għamlu l-iskor indaqs meta Leonardo Spinazzola sab ix-xibka, iżda Malen kien pront li jikkonverti l-penalty fil-71 minuta għall-gowl tal-vantaġġ momentarju.

Alisson Santos skorja l-gowl tad-draw fit-82 minuta.