Ir-reġim Iżlamiku li qed imexxi lill-Iran jinsab iddisprat biex jevita offensiva militari totali min-naħa tal-Istati Uniti….Dan meta Washington jinsab determinat biex irażżan il-programmi nukleari tal-Iranjani li jidhru viċin li jipproduċu l-armamenti għall-qerda tal-massa.
Fil-fatt, l-Iran, issa, qed iwassal il-messaġġ li lest biex jikkunsidra kompromess għal ftheim mal-Istati Uniti – dejjem jekk l-Amerikani huma lesti li jneħħu s-sanzjonijiet qawwija li ilhom is-snin imposti fuq l-Istat fundamentalista.
Sadanittant, l-Istati Uniti kompliet tenfasizza li l-Iran qed jostakola ‘dolożament’ in-negozjati biex iwaqqaf il-proġetti nukleari tiegħu. Dan waqt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, tenna li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump jinsab dispost għal ftehim ma’ Tehran iżda, fl-istess ħin, qed isib il-proċess diffiċli ħafna.
Madankollu, l-affarijiet jidhru li qed jinbidlu, bil-Viċi-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Majid Takht-Ravanchi, waqt intervista mal-BBC, itenni li ‘il-ballun, issa, hu f’saqajn l-Amerikani’.
Dan fost il-kumment li ‘jekk tassew li l-Istati Uniti trid tasal għal ftehim , Tehran għandu jkun lest biex jagħmel il-parti tiegħu’.
Fl-istess ħin, għadhom reali t-theddid ta’ Trump kontra l-Iran u meta fl-aħħar jiem, il-President Amerikan ħareġ direttiva biex aircraft carrier ieħor –il-USS Gerald R Ford — isalpa lejn l-ibħra tal-Golf biex iżid il-preżenza militari tal-Istati Uniti fir-reġjun.
L-Istati Uniti u l-Iran, kmieni dan ix-xahar, kienu involuti f’taħditiet indiretti fl-Istat ta’ Oman u l-indikazzjonijiet huma li, proprju nhar it-Tlieta, għandu jsir rawnd ġdid ta’ negozjati f’Ġinevra, fl-Iżvizzera.
Donald Trump qed iqis l-ewwel fażi tat-taħditiet bħala ‘pożittiva’ iżda xorta diffiċli biex wieħed ibassar l-eżitu tan-negozjati.
Intant, il-Gvern Iranjan, issa, qed joffri li jnaqqas mill-uranjum li kapaċi jintuża fil-produzzjoni tal-warheads nukleari bħala provi li lest għal kompromess mal-Amerikani.
L-uranjum f’idejn l-Iranjani hu viċin il-livell ta’ ‘weapons-grade’ li jfisser li l-produzzjoni ta’ missila nukleari kapaċi tkun ftit xhur ‘il bogħod…Dan ukoll minkejja li l-Iran qed ikompli jgħid li l-proġetti nukleari tiegħu qegħdin isiru bi skop paċifiku.
Intant, għadu mhux ċar jekk l-Istati Uniti, fil-jiem li ġejjin, tistax toffri li twarrab parti mis-sanzjonijiet inkella s-sanzjonijiet kollha f’sitwazzjoni fejn l-Iran jiddeċiedi biex jirrinunċja kompletament għan-nukleari.
//= $special ?>

