Malta ġiet klassifikata bħala t-tieni l-aktar pajjiż traffikuż fid-dinja. Dan ġie żvelat fl-aktar traffic Index riċenti, ppubblikat mis-sit TomTom, fil-21 ta’ Jannar li għadda.
Ir-rapport huwa bbażat fuq data tat-traffiku miġbura matul is-sena 2025, illi juri li Malta kellha livell medju ta’ traffiku ta’ 45.1%. Dan ifisser li l-Kolombja biss kellha pożizzjoni ogħla, b’48.8%.
Il-Filippini klassifikat fit-tielet post b’44.6% – fi kliem sempliċi, anke s-sitwazzjoni tat-traffiku fil-Filippini hija aħjar minn dik f’pajjiżna.
Il-pożizzjoni għolja ta’ Malta fil-klassifika turi l-problema tat-traffiku fit-toroq tagħna qed tkompli tippersisti. Bħala pajjiż żgħir, b’popolazzjoni li qed tkompli tikber … Malta qed tiffaċċja pressjoni qawwija fuq in-network tat-toroq.
It-traffiku qed jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum ta’ eluf ta’ persuni, partikolarmanet dawk li jivvjaġġaw għax-xogħol kmieni filgħodu.
Skont ir-rapport, it-traffiku jwassal għal użu ogħla ta’ fjuwil, aktar tniġġis u vjaġġi itwal. Jista’ wkoll inaqqas il-produttività u jpoġġi pressjoni fuq l-infrastruttura.Għal dawn l-aħħar 13-il sena il-Gvern żied kemm felaħ il-popolazzjoni u ma nediex pjan ċar għal trasport tal-massa – tant li fl-aħħar Budget, li suppost kellu jkun l-aqwa wieħed fl-istorja ta’ Malta, tefa’ kompletament fil-ġenb din il-problema kbira tat-traffiku.
Intant, il-PN fi stqarrija insista illi wasal iż-żmien li l-Gvern joħroġ rasu mir-ramel u jammetti li s-soluzzjonijiet tiegħu ma solvew xejn.


