Opinjoni

Opinjoni: 5 Punti kruċjali

 Kwalitá ta’ xogħol
 Kontroll tal-għoli tal-ħajja
 Żgħażagħ sidien ta’ darhom
 Edukazzjoni għat-tul tal-ħajja
 Servizzi ta’ kwalità fis-Saħħa

Alex Borg
Il-Kap
Partit Nazzjonalista

Lil hinn min-narrattiva tal-Gvern PL li jpinġi kollox sabiħ u li kollox miexi fuq ir-rubini, il-verità hi li għandna wisq familji, żgħażagħ u anzjani li għaddejjin minn diffikultajiet serji u minn tbatijiet.
F’pajjiżna l-miżuri tal-Baġit ma jitkejlux bil-grafika, ma jitkejlux bl-istqarrijiet, ma jitkejlux bil-kliem sabiħ, imma jitkejlu proprju b’ħajjet in-nies.
Jitkejlu bil-mod ta’ kif il-familji jħossuhom f’pajjiżna. Jitkejlu b’kemm iż-żgħażagħ iħossuhom komdi jgħixu f’pajjiżna u jekk jarawx futur f’pajjiżna.
L-ekonomija titkejjel ukoll b’kemm l-anzjani jħossuhom sikuri u kemm ikollhom serħan il-moħħ li jistgħu jgħixu f’pajjiżna. Fuq dan il-punt għandna sitwazzjoni fejn familji jaħdmu però xorta jħossuhom li ma jistgħux jaslu.
Iż-żgħażagħ jipprovaw jibqgħu jistudjaw, jipprovaw jaħdmu imma xorta waħda jħossuhom imwaħħlin.
L-anzjani jibdew jistaqsu minn ġimgħa għall-oħra jekk il-pensjoni tagħhom hix se tasal fil-ħin biex ikunu jistgħu jlaħħqu mhux biss mal-bażiku imma wkoll mal-affarijiet bżonjużi għalihom bħall-mediċini li ħafna drabi jkollhom jirrikorru biex jixtruhom.
Hemm barra hemm problemi li aħna bħala politiċi ma nistgħux ninjorawhom u rridu nagħtu widen lil dawn il-problemi u naraw kif nistgħu nindirizzawhom u verament nuru r-rieda politika li rridu nsolvuhom.
Hu imperattiv li nitkellmu fuq il-bniedem fejn fil-politika l-bniedem ikun proprju fiċ-ċentru tagħha. Għalhekk meta nkunu qed nitkellmu fuq dawn l-affarijiet, fuq l-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna, fuq il-Baġit li għandna għal din is-sena, irridu bilfors nagħmlu reality check.

Il-problema tat-traffiku qed tkidd lill-poplu
In-nies qed iħossu dawn il-problemi kuljum. Kull mument u kull ħin. Fosthom qegħdin iħossu l-problemi tat-traffiku. Toħroġ ftit ’il barra mid-dar, toħroġ timxi xi mkien u dejjem tiffaċċja l-problema tat-traffiku li llum saret akuta. Għall-familji. Għaż-żgħażagħ. Kif ukoll għall-anzjani li ħinhom hu mill-aktar prezzjuż.
Is-sigħat twal li jagħmlu fit-traffiku jistgħu jqattgħuh mal-familja u jistgħu jqattgħuh jistrieħu, però iktar minn hekk dawk is-sigħat li jitilfu qatt ma jerġgħu jiġu lura.
Qed iħossuhom li bl-għoli tal-ħajja ħajjithom issir aktar diffiċli. Ikun hemm min jgħid li din hi pjaga li d-dinja kollha qed tesperjenza. Mhux kullimkien tħoss l-inflazzjoni?
Però x’qed nagħmlu biex aħna ntaffu minn dan il-piż? Għandna sitwazzjoni fejn il-paga tasal u titlaq mill-ewwel. Fejn il-kontijiet jitilgħu u l-prezz tal-ikel jogħla u l-ispazju biex tieħu nifs ġo pajjiżna dejjem jonqos.
Qed iħossuhom fil-pressjoni li jaħdmu iktar sigħat. Iktar overtime. Jekk mhux impjieg wieħed, żewġ impjiegi biex ilaħħqu mal-ħajja u dawn kollha huma iktar sagrifiċċji għall-familji.
X’qed jiksbu lura? Inqas ħin, inqas stabbilita u inqas serħan il-moħħ. Din mhix erċezzjoni. Dan mhux sensazzjoni. Din hi r-realtà li qed jgħix il-poplu hemm barra ta’ kuljum.

Ċanfira mill-Fond Monentarju Internazzjonali
U aħna nistgħu ngħidu għaliex dejjem hemm barra qrib in-nies u nafu n-nies xi sfidi qed jiffaċċjaw, nafu l-poplu x’qed jiffaċċja. Imbagħad ovvjament il-mistoqsija li tqum hi: Imma x’mhux qed jiffunzjona? Kif wasalna s’hawnhekk? Il-problema mhix li Malta m’għandniex riżorsi, il-problema hi li tlifna l-bilanċ.
Ftit tal-ġranet ilu kellna l-Fond Monetarju Internazzjonali joħroġ rapport xejn sabiħ u jisħaq li t-tkabbir ekonomiku hu bażat biss fuq l-importazzjoni tal-barranin u dan mhux sostenibbli.
Il-pressjoni li qed tħalli fuq l-infrastruttura hi fenomenali. Proprju dan ir-rapport wera li Malta għandha ħmistax-il darba densità tal-popolazzjoni iktar minn kull pajjiż Ewropew ieħor.
Imbagħad jgħidulek li din mhux problema. Imbagħad ikollok il-Gvern li jgħidlek li b’din ir-rata bilfors irridu nilħqu popolazzjoni ta’ 800,000.
Jiġifieri jrid ikompli jkabbar u jkompli jagħmel pressjoni, però minn naħa l-oħra ma nisimgħux x’se jsir biex intaffu din il-pressjoni u x’investimenti se nagħmlu fuq l-infrastruttura, fuq l-isptarijiiet u fuq l-iskejjel tagħna biex ikunu jistgħu jilħqu mar-realtajiet li għandna quddiemna.

Ekonomija li qed iġġiegħel lin-nies biex jgħixu biex jaħdmu
Għandna ekonomija li titlob ħafna u li qed tagħti lura ftit. Mudell li qed iġġiegħel lin-nies jgħixu biex jaħdmu u mhux jaħdmu biex jgħixu. Mudell li qed jikkonsma l-ħin tal-familji kollha, li jżid il-pressjoni mentali, li jnaqqas il-kwalità tal-ħajja u dan ċertament li mhux sostenibbli ekonomikament, mhux sostenibbli soċjalment u lanqas mhu sostenibbli għall-futur ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar mill-aħħar imbagħad ir-responsabbiltà finali hi tal-Gvern preżenti, għaliex dan hu proprju r-rwol tal-Gvern li għandu l-mezzi, għandu l-awtorità u għandu r-responsabbiltà li jindirizza dawn l-isfidi li hemm hemm barra.
Hi ħasra li ftit tax-xhur ilu x’ħin il-Gvern ħabbar il-Baġit għal din is-sena qalulna li dan hu l-aqwa Baġit tal-istorja ta’ pajjiżna, però imbagħad meta tħares lejn il-Baġit tinduna li fih aspetti pożittivi, fih affarijiet li l-poplu hemm barra se jgawdi minnhom però ħafna mill-isfidi li l-poplu hemm barra qed jiffaċċja, jekk hux it-traffiku, jekk hux is-saħħa tagħna, jekk hux l-infrastruttura, tinduna li ma jiġux indirizzati.
Għalhekk aħna ħriġna ħamsin proposta ċara. Ħamsin proposta li jindirizzaw ħafna minn dawn l-isfidi li qed jiffaċċja l-poplu; ħamsin proposta li mhumiex biss kompluti, imma dan hu l-bidu. Baqgħalna ħafna iktar proposti x’noħorġu li l-poplu qed jagħtina, qed nisimgħu minnu, qed inwettqu miegħu, u se nkunu qegħdin noħorġu fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.

Ħames punti ferm kruċjali:
Għalhekk nixtieq nagħmel ħames punti ċari li nemmen li huma bżonnjużi f’pajjiżna.
Kwalità tax-xogħol
 L-ewwel: Għandna bżonn ekonomija li tgħolli l-kwalità tax-xogħol ta’ pajjiżna. Inqas dipendenza fuq sigħat twal; iktar investiment fil-ħiliet tal-poplu; iktar setturi ta’ valur miżjud li jrendu iktar fil-but tal-poplu; pagi li verament ilaħħqu mal-ħajja u mhux li jissieltu magħha.

Niffaċċjaw l-għoli tal-ħajja
 It-tieni: Għajnuna vera kontra l-għoli tal-ħajja; pjaga li qed jaffaċċja l-poplu u li għandu bżonn l-appoġġ biex ikun jista’ jegħlibha. M’għandnix bżonn simboliżmi; mhux miżuri li jintilfu fil-kontijiet u taxxi introdotti wara, kif rajna f’dan il-baġit.
Ftit ġranet wara joħorġu diversi miżuri oħrajn, u taxxi indiretti. Jekk humiex fil-mediċini tagħna, fis-servizzi finanzjarji. Fejn imbagħad, l-aqwa li ngħidu li l-Baġit ma fihx taxxi. Imma mbagħad il-Gvern ikompli jdaħħal aktar taxxi għax mingħalih li l-poplu ma jindunax.

Ngħinu lill-familjii u liż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom
 It-tielet: Politika ta’ akkomodazzjoni li taħdem għan-nies, waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ tagħna u li trid tiġi indirizzata llum qabel għada.
Aħna bħala Oppożizzjoni u bħala gvern alternattiv, diġà ħriġna diversi proposti ta’ kif nemmnu li din il-pjaga, din l-isfida li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ u l-familji – li jixtiequ jsiru sidien ta’ djarhom, aħna nuruhom li rridu nkunu magħhom f’dan il-kapitlu importanti ta’ ħajjithom.

Edukazzjoni għat-tul tal-ħajja
 Ir-raba’: Għandna bżonn edukazzjoni li tħejjik għall-ħajja. M’għandnix bżonn iktar memorization, imma għandna bżonn li l-edukazzjoni tagħti l-ħiliet; mhux biss għall-eżamijiet; mhux biss li nippreparaw lit-tfal u l-istudenti tagħna għal meta jiġi l-eżami, imma nippreparaw liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol, għal ħajja t’hemm barra; li nagħtuhom l-għamar biżżejjed biex dawn jistgħu verament jgħixu ħajja deċenti, ħajja ta’ kwalità, ħajja flessibbli li tagħti tama lill-uliedna.

Investiment serju u qawwi fis-saħħa
 Il-ħames: Għandna bżonn sistema tas-saħħa li tpoġġi lill-pazjenti tagħna fiċ-ċentru. Fis-saħħa l-PN għandu kull kredibbiltà kuntrarju għall-Gvern Labursita li m’għandu l-ebda kredibbiltà.
Il-Gvern PL li l-isptarijiet tahom lill-privat, u ma ħallewlna l-ebda investiment f’pajjiżna. Kien propju grazzi għal Adrian Delia, grazzi għall-PN li ġab l-isptarijiet ġew lura għand il-poplu Malti u Għawdxi.
Però, mhux biżżejjed. Ġibna l-isptarijiet lura, però issa rridu naraw fejn se mmorru; x’se nagħmlu; fejn se nieħdu s-sistema tas-saħħa tagħna; x’investiment se jsir fuq l-isptarijiet tagħna biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jibqax jistenna tmien sigħat, disà sigħat, għaxar sigħat fl-Emerġenza ta’ Mater Dei.
Din hija r-realtà li qed ikollna kuljum f’pajjiżna. Għalhekk, hemm bżonn ukoll ta’ pjan serju ta’ kif se nindirizzaw is-saħħa mentali. Mhux bil-kliem, imma b’għemil. Dawn mhumiex slogans. M’hemmx lok għal slogans u pr stunts fis-saħħa mentali u fis-saħħa tal-poplu. Imma hemm bżonn fatti, azzjoni konkreta biex is-saħħa tagħna tkun eċċezzjonali. Għadna bżonn ġustizzja, dinjità, u futur aħjar għall-poplu, li jagħti s-serħan il-moħħ lil kulħadd; li ħadd ma jitħalla lura; li l-poplu hemm barra, lill-individwu ma narawhx bħala vot, imma narawh bħala bniedem tad-demm u l-laħam.

Politika mibnija fuq il-valuri u l-ġustizzja
Il-politika trid terġa’ tkun mibnija fuq il-valuri u ġustizzja, biex ħadd ma jaqa’ lura; dinjità, biex ix-xogħol jerġa’ jagħti ħajja, mhux jisraqha, biex il-bniedem ma jħossux maqbud fis-sistema li llum qed tikkonsmah.
Futur, biex uliedna u ż-żgħażagħ jibqgħu hawnhekk f’pajjiżna u jagħtuna iktar kontribut, u jibqgħu jgħixu u jkabbru familja hawnhekk. Pajjiż, li jinvesti fil-bniedem hu; pajjiż li l-futur tiegħu qed jinvesti fih. Dik hija l-politika li nemmen fiha jien; politika li tagħti direzzjoni, tispira u li tkabbar il-fiduċja f’pajjiżna.
Malta tista’ tagħmel aħjar. Mhux għax ngħidu aħna, imma għan-nies jistħoqqilhom aħjar. Jistħoqilhom politika li tisma’; politika li tifhem; politika li twettaq, politika li ma tibżax mill-verità; politika li ma tibżax tkun ambizjuża; politika li ma tibżax taħseb għall-futur ta’ pajjiżna b’serjetà, b’għaqal u b’fiduċja sħiħa fil-poplu.
Din hi d-direzzjoni. Dan hu l-impenn. Dan hu proprju l-pjan tagħna għal Malta ’l quddiem.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.