Lokali

Robert Abela jammetti li ma kellux viżjoni fit-tul

Jgħid li pajjiżi oħra ma jistgħux jitkellmu fuq il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol iżda l-fatti juru li l-Gvern jinsab lura f’dan il-qasam

Wara xhur sħaħ tas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Gvern iħares lejn il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jiffoka fuq ekonomija ta’ kwalità u mhux mudell ibbażżat fuq il-kwantità – il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li pajjiżna għandu bżonn iħares fuq l-importanza tal-Work Life Balance.

Waqt intervista li saritlu fuq il-midja tas-Super One, mill-eks ġurnalista  u eks assistenta ta’ Lydia Abela…Nicole Buttigieg, il-Mexxej Laburista kompla jsaħħaħ il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li hemm bżonn li l-bilanċ bejn il-kwalità tal-ħajja u x-xogħol tkun indirizzata.

Filwaqt li Abela naqas li jsemmi li dan il-mudell ekonomiku ġabitu amministrazzjoni Laburista, biċ-ċittadini jiprovaw ilaħqu sal-aħħar tax-xahar minn xogħol għall-ieħor, għad-detriment tal-familja nfisha u s-saħħa mentali tal-ħaddiem, l-istess Prim Ministru insista dwar il-bżonn li xogħol fuq bażi ta’ remote working jingħata aktar attenzjoni.

Ironikament din in-narrattiva l-pajjiż issa ilu jismgħaha għal dawn l-aħħar 6 snin madanakollu l-ekonomija għadha bbażata fuq il-kwantità u mhux il-kwalità.

B’mod mill-aktar surreali, Robert Abela sostna li bħala pajjiż nistgħu niddiskutu fuq dan il-bilanċ għaliex meta kkumparati ma’ pajjiżi barra minn xtutna l-Gvern jinsab f’qagħda aħjar.

Madanakollu l-istatistika iswed fuq l-abjad turi li f’dan il-qasam il-Gvern jinsab lura ferm hekk kif fost oħrajn fl-Olanda l-ħin medju ta’ xogħol ma jiżboqx it-32 siegħa…bil-paga tal-ħaddiema stmata li tlaħħaq madwar €48,000 fis-sena.

Fil-Ġermanja l-impjegati jaħdmu medja ta’ 34 siegħa fil-ġimgħa, b’paga medja ta’ €53,000 fis-sena, fid-Danimarka u n-Norvejġa s-sigħat ta’ xogħol ukoll huma medja ta’ 34 siegħa fil-ġimgħa, b’paga li tlaħħaq il-€71,000 u €64,000 fis-sena rispettivament.

Dan filwaqt li fl-Iżvizzera l-impjegati jaħdmu medja ta’ 35 siegħa fil-ġimgħa….b’paga medja ta’ €59,000 fis-sena.

F’Malta l-ħaddiem jaħdem 40 siegħa fil-ġimgħa, ħafna drabi mhux permezz ta’ remote working,  b’paga medja ta’ €33,000 fis-sena.

Issa li l-pajjiż qiegħed jiddiskuti dwar il-bżonn ta’ diskussjoni serja b’rabta mal-kwalitàtal-ħajja u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja – diskussjoni xprunata mill-Unions tal-Ħaddiema kif ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, Robert Abela għaraf dan il-bżonn…waqt li ammetta li fl-aħħar snin l-ekonomija kienet waħda bbażżata fuq l-immedjat  u mhux il-ġejjieni.

Intant fl-intervista ta’ ftit aktar minn nofs siegħa, Abela kien mistoqsi dwar l-arti u l-kultura, fejn filwaqt li semma li għal Gvern tiegħu dan is-suġġett jitqies bħala wieħed primarju naqas għal kollox milli jsemmi l-pjaga li xeħet fuq l-iskola tal-Performing Arts hekk kif wara 6 snin fil-kariga ta’ Prim Ministru….ħallihom mingħajr teatru sura ta’ nies, għat-tħassib tal-ġenituri u l-istudenti nfushom.