Lokali

5 iklieb ta’ assistenza jiggradwaw waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton

Ħamest iklieb ta’ assistenza lestew il-programm ta’ taħriġ u preparazzjoni biex ikunu jistgħu jassistu lil persuni li għandhom kundizzjonijiet differenti, matul il-ħajja ta’ kuljum.

Wara li lestew it-taħriġ neċessarju, Balto, Dom, Sam, Pablo u Kaydi ggradwaw waqt ċerimonja organizzata mis-Service Dogs Malta Foundation, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.

It-taħriġ ta’ kull kelb jiswa’ madwar €15,000, iżda l-għaqda volontarja tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha tal-akkwist u t-taħriġ u tgħaddihom b’xejn lill-persuni li jibbenefikaw.

Balto u Kaydi issa se jkunu assenjati lil persuni b’diffikultà fil-mobilità, Dom ġie mħarreġ biex jipprovdi assistenza lil persuna bid-dijabete, filwaqt li Pablo se jservi bħala kelb tal-assistenza għal persuna b’kundizzjoni psikjatrika.

It-taħriġ ta’ Sam, kelb tar-razza Labrador, kien possibbli permezz ta’ investiment ta’ €15,000 mill-Gvern ta’ Malta, u issa se jkun assenjat lil tifla ta’ 7 snin fl-ispettru tal-awtiżmu, biex joffrilha appoġġ kontinwu fil-ħajja ta’ kuljum.

Sam ġie mħarreġ apposta biex jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tagħha, billi jipprovdi sigurtà, stabbiltà emozzjonali u appoġġ prattiku f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità, u b’hekk se joffri lit-tifla l-inklużjoni u l-awtonomija li għandha bżonn biex tgħix ħajja iktar indipendenti.

Fid-diskors tagħha matul il-gradwazzjoni, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, faħħret ix-xogħol tal-Fondazzjoni u l-voluntiera fi ħdanha, għat-tama u wens li joffru lill-individwi u familji fil-bżonn ta’ dawn il-klieb ta’ assistenza.

Il-President fissret il-gradwazzjoni ta’ dawn il-ħamest iklieb bħala bidu ġdid għal dawk li se jiddependu fuqhom fil-ħajja ta’ kuljum, u xhieda kif b’dedikazzjoni, paċenzja u impenn nistgħu nbiddlu l-ħajja tan-nies għall-aħjar.

Joseph Stafrace, il-fundatur u Operations Manager tas-Service Dogs Malta Foundation, spjega kif il-gradwazzjoni tal-klieb ta’ assistenza hija parti minn programm usa’ ta’ taħriġ intensiv u speċjalizzat.

Stafrace fisser il-kburija, l-emozzjoni u l-mumenti li ma jintesewx tal-vjaġġ li jwassal lill-klieb għal din il-gradwazzjoni, waqt li fisser il-mument tal-għotja tal-klieb lill-persuni li għandhom bżonnhom bħala ċelebrazzjoni ta’ snin ta’ dedikazzjoni u impenn minn grupp ta’ persuni ddedikati.

Matul iċ-ċerimonja, l-Arċisqof ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna bierek lill-klieb u lill-individwi u l-familji li ser jibbenifikaw minnhom.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof fisser din l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni tal-armonija bejn il-bniedem u l-ħlejqa. “Qed niċċelebraw ukoll l-isforz tat-trainers, li ppreparaw lil dawn il-klieb ħbieb tagħna, biex ikunu ta’ servizz. Qed niċċelebraw ukoll il-fatt li bl-għajnuna tagħhom, ħamsa minna se jkollhom iżjed awtonomija. Għalhekk qed niċċelebraw il-possibbiltà li titjieb il-kwalità tal-persuna, xi ħaġa li nawguraw lil kulħadd.”

Ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea, fissret iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ dawn il-ħamest iklieb bħala “ċelebrazzjoni ta’ ħajja iktar indipendenti u awtonoma għall-ħames persuni li se jibbenefikaw minnhom.”

Fi tmiem iċ-ċerimonja, is-Service Dogs Malta Foundation nediet ukoll il-kanzunetta ‘Dejjem Tiegħek’, bi kliem ta’ Rita Pace u l-interpretazzjoni tal-mezzo-sopran Vanessa Vassallo.

Din il-kanzunetta tirrakkonta l-istorja tal-għaqda unika u speċjali bejn il-klieb ta’ assistenza u sidu, mibnija fuq il-fiduċja, il-lealtà u l-imħabba bla kundizzjoni.