Il-ġurati fil-ġuri ta’ Austin Mallia ta’ 40 sena minn Santa Venera akkużat bi traffikar tad-droga cannabis mistennija jidħlu jiddeliberaw minn ħin għall-ieħor hekk kif l-Imħallef l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ttemm l-aħħar indirizz tagħha lill-ġurati fil-Qorti. Il-proċeduri, li ilhom għaddejjin quddiem l-istess Imħallef mill-5 ta’ Frar li għadda.
Mallia, qed jiffaċċja diversi akkużi marbuta ma’ investigazzjoni li bdiet tmien snin ilu. Il-Prosekuzzjoni qed issostni li l-każ jikkonċerna operazzjoni organizzata għat-traffikar tal-kannabis lejn Malta. Waħda mill-akkużi mhux se tkun ikkunsidrata mill-ġurati wara li Mallia ammetta separatament pussess ta’ kokaina, meta l-ġurati kienu diġà ġew magħżula u maħlufa.
Għaldaqstant, il-verdett se jindirizza biss il-kapi l-oħra tal-akkuża. Matul il-ġuri, xhieda esperti spjegaw lill-Qorti li l-kannabis maqbuda kienet tiżen madwar 53 kilogramma u kellha livell ta’ purità ta’ madwar 11 fil-mija. Il-Prosekuzzjoni argumentat li l-kwantità involuta kienet ferm ogħla minn dak li jista’ raġonevolment jitqies bħala għal użu personali.
Fil-ftuħ tal-każ kontra Austin Mallia, il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegati fatti jmorru lura għal madwar tmien snin ilu, meta l-imputat allegatament iddeċieda li jingħaqad ma’ individwi oħra sabiex tiġi importata l-cannabis f’Malta bil-għan tat-traffikar.
Il-Pulizija kienet qed issegwi movimenti suspettużi ta’ diversi persuni, fosthom Michele Artale, li kien daħal Malta bil-katamaran u mar f’appartament fil-Ħamrun. Skont l-investigazzjonijiet, Mallia ġie identifikat bħala persuna li daħlet fl-istess appartament u li kienet involuta fit-trasport u l-moviment tad-droga. Il-prosekuzzjoni qalet li Mallia kien qed jirċievi struzzjonijiet mingħand Artale biex jiltaqa’ ma’ Sandro Lo Prest f’diversi postijiet, fosthom fil-bitħa tal-Fahrenheit, f’Ta’ Qali.
Mill-filmati tas-sigurtà analizzati matul l-investigazzjoni, deher li Mallia u Lo Prest ħattew żewġ kaxxi minn vettura u ttrasportawhom lejn appartament fil-Ħamrun. Il-Pulizija kompliet issegwi l-operazzjoni u nnotat ukoll li, il-jum ta’ qabel l-intervent tagħha, Artale kien wasal Malta u mar direttament lejn l-istess blokka ta’ appartamenti.
F’fażi oħra tal-operazzjoni, Mallia allegatament ingħata struzzjonijiet biex imur fil-parkeġġ tal-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Lija, iżda ftit wara ntalab imur jiltaqa’ ma’ Lo Prest ħdejn Ta’ Qali. Kien f’dan l-istadju li l-Pulizija ddeċidiet li tintervjeni u tissekwestra diversi pakketti u apparat relatati mal-investigazzjoni.
Bl-indirizz finali tal-Imħallef wasal biex jintemm, il-ġurija tiġi mibgħuta biex tirtira biex teżamina l-provi kollha u tagħti l-verdett tagħha dwar l-akkużi li għadhom pendenti.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Godwin Cini, Kevin Valletta u Danika Vella f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li Mallia qed jiġi rrappreżentat mill-Avukat Joe Giglio.
//= $special ?>

