Permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet il-Kunsill Lokali tal-Floriana ħabbar id-dettalji inizjali b’rabta mal-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, hekk kif din is-sena se jkun qed isir is-Sibt, 18 ta’ April, 2026, fi Pjazza San Publju (fuq il-Fosos).
Il-Festival din is-sena, li huwa s-17-il edizzjoni, se jkun qed jieħu xejra ftit differenti, b’organizzazzjoni aktar diretta mill-Kunsill Lokali Floriana għalkemm wieħed irid jirringrazzja wkoll lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu għall-għajnuna kbira u l-appoġġ loġistiku li reġgħet offriet l-istess awtorità fl-organizzazzjoni tal-Festival.
Is-Sindku Nigel Holland elenka il-fatt li f’kull edizzjoni, il-Kunsill Lokali fittex li jagħti opportunità lill-kmamar tan-nar jesebixxu l-aqwa xogħlijiet tagħhom tan-nar tal-art mekkanizzat matul dan il-Festival Nazzjonali tant prestiġġjuż. Hu saħaq li l-Kunsill ser ikompli jinvesti ħin, enerġija u riżorsi biex dan l-avveniment jikber fil-kwalità u fir-reputazzjoni tiegħu sena wara sena. Huwa żied jgħid li l-impenn tal-Kunsill huwa li jkompli jtejjeb l-istandards organizzattivi, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell logistiku, biex il-parteċipanti jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex jippreżentaw xogħolhom.
Il-Viċi Sindku James Aaron Ellul tenna fuq il-fatt li Festival bħal dan isostni l-valur storiku u kulturali tal-piroteknika f’pajjiżna, hekk kif fuq livell mekkanizzat u pirotekniku, il-Maltin huma pijunieri. Huwa aċċenna fuq l-importanza li entitajiet governattivi u kulturali jagħtu aktar sostenn lill-Kunsill, hekk kif kontinwament il-fondi allokati għall-Kunsilli qed jibqgħu l-istess, dan filwaqt li l-ispejjeż għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet dejjem jiżdiedu, speċjalment f’dan il-kuntest, spejjeż fuq il-materja prima li jużaw l-għaqdiet tan-Nar.
James Aaron Ellul għalaq billi rringrazzja lill-Għaqda Piroteknika Maltija għas-sostenn tagħhom fl-aħħar xhur, kif ukoll radd il-ħajr lill-voluntiera li jtuna din l-arti. Ellul fakkar li, minkejja li dan il-festival huwa kompetizzjoni, l-artisti Maltin tan-nar xorta waħda jingħaqdu fl-istess spirtu ta’ kreattività u se jippreżentaw xogħol mill-ogħla livell.
Fil-kummenti tagħhom, Keith Dingli u Stanley Azzopardi mill-Għaqda Piroteknika Maltija qalu li l-Festival din is-sena se jkun maqsum f’ħames kategoriji distinti li jiffokaw fuq tipi differenti ta’ raddieni mekkanizzati: il-Kategorija 1 (tal-Katina), il-Kategorija 2 (tal-Universal), il-Kategorija 3 (2D), il-Kategorija 4 (3D) u l-Kategorija 5 (tal-Funtani tal-Kulur).
L-ewwel erbgħa jiffukaw fuq mekkaniżmi u disinji li jixegħlu prinċipalment bil-gassijiet u jdur permezz tal-funtani tal-porvli, filwaqt li l-ħames kategorija tagħti prominenza lill-funtani tal-kulur u l-effett viżiv tagħhom. Kull raddiena tiġi evalwata fuq kriterji ċari bħad-disinn, il-kwalità tal-prodotti pirotekniċi, il-manifattura mekkanika u l-andament tal-ħruq skont il-pjan ippreżentat lill-ġurija.
Huma qalu li l-organizzazzjoni tal-festival hija strutturata b’mod rigoruż: hemm limitu ta’ parteċipanti u sistema ta’ polza biex jiġu assenjati l-kategoriji u s-sekwenza tal-armar u l-ħruq. Il-ġurija, magħmula minn esperti barranin u Maltin, tevalwa kemm l-armar kif ukoll il-ħruq, filwaqt li l-parteċipanti jridu josservaw regoli stretti ta’ sigurtà, konformità legali u preżentazzjoni teknika. Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar sussidji finanzjarji, protesti u t-tħabbir tar-riżultati, biex jiġi żgurat proċess trasparenti, sigur u kompetittiv sal-aħħar.
//= $special ?>

