Lokali Qorti

Inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li weġġa’ lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 32 sena inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati li weġġa’ lill-eks sieħba tiegħu. Abdulaziz Zamzam, Libjan li jgħix San Ġiljan, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fid-29 ta’ Jannar wara li ammetta li hedded lill-kriminal magħruf Melvin Debono, magħruf bħala “il-Quws”.

Madankollu, huwa reġa’ tressaq il-Qorti wara li allegatament beda jfixkel u jfastidja lill-eks tfajla tiegħu. Il-mara ressqet rapport mal-pulizija u ppreżentat ritratti li juru wiċċha mbenġel u mimli demm wara wieħed mill-allegati inċidenti, li allegatament seħħew bejn Mejju tas-sena li għaddiet u x-xahar li għadda.

Huwa mifhum li r-raġel insista li jibagħtilha warda u ittra ta’ mħabba f’Jum San Valentinu. Il-mara, li ħasset li dan kien forma ta’ fastidju, għamlet rapport lill-pulizija. Zamzam tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-mara, li heddidha u li nsulentaha.

L-Avukat Nicholas Mifsud talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ċaħdet it-talba peress li l-allegata vittma għadha ma xehditx. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Sherona Buhagiar.