Nelson Bardhi, żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Albanija u residenti San Pawl il-Baħar, ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li s-Sibt li għadda, wara li ntemm il-Karnival fin-Nadur, seraq kartiera li fiha kien hemm ammont ta’ flus kontanti.
Fil-Qorti ta’ Għawdex, l-Ispettur Keith Xerri spjega li r-reat seħħ fi Triq il-Madonna ta’ Fatima, fin-Nadur, bejn it-3.00am u t-3.30am. Permezz tal-avukat tiegħu, Christian Camilleri, l-imputat informa lill-Qorti li kien diġà ħallas lura l-flus kollha li kien hemm fil-kartiera lill-vittma.
Wara li sema’ l-ammissjoni tal-akkużat, il-Maġistrat Grech illiberah bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Xerri, filwaqt li Dr Camilleri deher għall-akkużat.
//= $special ?>

