Lokali

L-IĠM issellem lil Laurence Grech, li serva ta’ eżempju ta’ xi jfisser li tkun ġurnalist

L-IĠM tixtieq tagħti ġieħ lill-eks editur tat-Times of Malta, Laurence Grech, li reċentement ħalla din id-dinja.

Tul ħajtu u matul il-karriera ġurnalistika tiegħu li bdiet fil-bidu tas-snin sittin, Grech serva ta’ eżempju ta’ xi jfisser li tkun ġurnalist u ġentlom.

Kien mentor għal ħafna. Anke wara li rtira, Grech kompla jispira diversi ġenerazzjonijiet ta’ ġurnalisti permezz tal-istejjer u l-pariri tiegħu, kif ukoll permezz tal-kontribuzzjonijiet kontinwi tiegħu bħala konsulent editorjali u mistieden regolari fuq programmi politiċi tar-radju u tat-televiżjoni.

Għalhekk l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ta lil Grech il-Premju tad-Deheb fl-2019.

Xhieda tal-istatura tiegħu kien ukoll il-fatt li fl-2007 ingħata l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.

L-IĠM tibgħat il-kondoljanzi l-aktar sinċieri lill-familja tiegħu, inkluż lil martu Lilian u wliedu Gerald, Edward u Robert.