Sport

Malta f’laqgħa internazzjonali tal-atletika indoor fil-Greċja

Fil-laqgħa internazzjonali tal-atletika indoor li saret f’Paiania fil-Greċja, riżultat mill-aqwa għal Graham Pellegrini li kiser ir-rekord nazzjonali tal-200 metru.

Pellegrini għamel il-200 metru f’21.83 sekondi, u b’hekk stabbilixxa rekords nazzjonali ġodda għas-Seniors u għall-Under-23 u kiser ir-rekord preċedenti ta’ 22.30 li kien ilu jeżisti mill-1998. Din il-finali tirrappreżenta pass importanti għal Graham Pellegrini tikkonferma l-wirjiet tiegħu indor f’din il-fażi tal-istaġun. Pellegrini kkompeta wkoll fis-60 metru, fejn temm f’7.08 sekondi .

Fis-60m tan-nisa, Claire Azzopardi rreġistrat 7.57 sekondi, l-aħjar ħin f’kompetizzjoni indoor irreġistrat minn atleta Maltija s’issa din is-sena.

Dawn is-suċċessi komplew wara li fl-Open Masters Games f’Abu Dhabi, Rebecca Sare fid-debutt tagħha f’dan il-Logħob, rebħet żewġ midalji tad-deheb fit-triple jump u l-long jump.

Għalkemm dan hu l-ewwel staġun ta’ Sare’ fil-kategorija Masters 35, f’dawn il-Logħob hija kkompetiet fil-kategorija 30+ skont ir-regoli ta’ eliġibbiltà ta’ World Athletics, li jistabbilixxu l-kategoriji tal-Masters skont l-età tal-atleta matul il-perjodu tal-kompetizzjoni.

Fil-long jump Sare’ kisbet l-aqwa qabża ta’ 5.44 metri fl-aħħar tentattiv tagħha biex assigurat l-ewwel post kemm fil-kategorija tagħha kif ukoll overall. Hija kompliet b’suċċess b’qabża ta’ 11.99 metri fit-triple jump fejn temmet fl-ewwel post fil-kategoriji kollha tal-età.