Sport

Medalja tal-fidda fl-Open Masters Games

Graham Borg jibda l-istaġun 2026 b’prestazzjoni mill-aqwa.

It-triathleta Malti Graham Borg beda l-istaġun 2026 b’prestazzjoni dominanti, hekk kif temm fit-tieni post ġenerali fil-World Open Masters Games f’Abu Dhabi.
Borg ikkompetta kontra aktar minn 200 atleta ta’ 30 sena u ’l fuq, u rnexxielu jispiċċa quddiem diversi kompetituri minn kategoriji ta’ età iżgħar. Huwa kiseb ukoll it-tieni post fil-kategorija M45, bl-ewwel post ġenerali jmur għand atleta mill-istess kategorija.
Il-prestazzjoni tiegħu kienet waħda konsistenti fit-tliet dixxiplini. Borg beda b’għawma b’sahhita li poġġietu fuq quddiem tal-‘wave’ tiegħu u rreġistra l-iktar ħin veloċi fl-għawm fost il-kategoriji kollha.
Tul il-parti taċ-ċikliżmu ta’ 42.8 kilometru — kemxejn itwal mid-distanza Olimpika standard — Borg naqqas id-distakk li kellu fuq kompetituri iżgħar li bdew t-tellieqa ġenerali ħames minuti qabel, b’veloċità medja impressjonanti ta’ 41 km/h. Din il-prestazzjoni wasslitu biex jikseb it-tieni l-aktar ħin veloċi fuq ir-rota fost l-etajiet kollha.
Borg beda t-tiġrija fl-ewwel post assolut, iżda atleta li kien jinsab fit-tielet pożizzjoni avvanza matul it-tiġrija, u Borg qasam il-linja tal-finish fit-tieni post assolut f’ħin ta’ sagħtejn u tmien minuti u jirbaħ il-medalja tal-fidda.
Ir-riżultat jikkonferma bidu pożittiv u inkoraġġanti għall-istaġun ta’ triathlon 2026 ta’ Borg, li issa qed iħares ’il quddiem lejn kompetizzjonijiet internazzjonali u sfidi fuq distanzi itwal tal-Ironman.
Borg jinsab Abu Dhabi mas-sieħba tiegħu Rebecca Sare’, li qed tagħmel id-debutt tagħha
fl-Open Masters Games. Sare’ qed tikkompeti fil-Long Jump u fit-Triple Jump.


Wara li t-triatleta Graham Borg kiseb post fuq il-podju fl-Open Masters Games f’Abu Dhabi, Rebecca Sare wkoll ħalliet il-marka tagħha fil-kompetizzjoni, meta fid-debutt tagħha f’dawn il-Logħob rebħet żewġ midalji tad-deheb fl-ispeċjalitajiet tagħha tal-atletika — it-triple jump u l-long jump.

Għalkemm dan hu l-ewwel staġun ta’ Sare’ fil-kategorija Masters 35, f’dawn il-Logħob hija –
kompetiet fil-kategorija 30+ skont ir-regoli ta’ eliġibbiltà ta’ World Athletics, li jistabbilixxu l-kategoriji tal-Masters skont l-età tal-atleta matul il-perjodu tal-kompetizzjoni. Sare’ tat wirjiet b’saħħithom fiż-żewġ avvenimenti. Minkejja xi tentattivi invalidi fil-kompetizzjoni tal-long jump tat-Tnejn, hija kisbet l-aqwa qabża ta’ 5.44 metri fl-aħħar tentattiv tagħha — distanza li assiguratilha r-rebħa kemm fil-kategorija tagħha kif ukoll overall. Hija kompliet dan is-suċċess b’qabża ta’ 11.99 metri fit-triple jump tal-Erbgħa, fejn spiċċat fl-ewwel post fil-kategoriji kollha tal-età.

Dawn il-midalji juru bidu inkoraġġanti għall-ewwel staġun ta’ Sare’ fid-diviżjoni tal-Masters. L-avvenimenti ta’ Sare’ għalqu l-parteċipazzjoni ta’ Maltin f’dawn il-Logħob, bl-atleti Maltin jiksbu tliet midalji minn tliet avvenimenti — midalja tal-fidda fit-triatlon u żewġ midalji taddeheb fl-atletika.