Il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, ppreseduta mill-Maġistrat Claire L. Stafrace Zammit, lliberat lil Wayne Delia ta’ 40 sena minn Santa Venera – mill-akkużi kollha relatati ma’ allegat serq aggravat minn ġewwa l-Iskola Primarja Kulleġġ San Ġorġ Preca fi Triq Gużè D’Amato, Raħal Ġdid.
Delia kien mixli li fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Novembru 2017 seraq tagħmir elettroniku, fosthom interactive whiteboard, monitor, keyboard u mouse, b’valur li allegatament jaqbeż €2,329.37. Huwa kien akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu f’sentenzi preċedenti u li rrenda ruħu riċediv.
Mill-provi rriżulta li l-oġġetti ma nstabux u li l-unika rabta diretta mal-imputat kienet marka tal-pala tal-id li nstabet fuq il-frame ta’ tieqa tal-klassi. Madankollu, il-Qorti osservat li skola hija post aċċessibbli għal diversi persuni u li l-preżenza ta’ impronta waħedha ma kinitx biżżejjed biex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Delia kien il-persuna li kkommetta s-serqa.
Il-Qorti kkritikat ukoll diversi nuqqasijiet fl-investigazzjoni, fosthom in-nuqqas ta’ filmati tas-CCTV u n-nuqqas ta’ analiżi forensika fuq oġġetti oħra li setgħu kienu relevanti, bħal torċa li nstabet fil-klassi. Ġie nnutat ukoll li l-valur tal-oġġetti misruqa kien ibbażat fuq stima u mhux fuq riċevuta uffiċjali li turi l-valur attwali fil-ħin tal-allegat reat, u għalhekk l-aggravju tal-valur ma setax jiġi sostnut.
Fir-rigward tal-akkużi ta’ riċediva u ksur ta’ kundizzjonijiet imposti minn sentenzi preċedenti, il-Qorti sabet li dawn ma ġewx ippruvati skont il-ħtiġijiet tal-liġi, peress li s-sentenzi ma ġewx debitament awtentikati permezz ta’ xhieda formali.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li ma ssibx lil Wayne Delia ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u lliberatu minn kull osservanza u piena. Il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Hubert Cini.
//= $special ?>

