Nhar l-Erbgħa,18 ta’ Frar 2026, il-Knisja Kattolika tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb, penitenza u karità bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l-quddiesa ta’ Ras ir-Randan bit-tberik u t-tqegħid tal-irmied fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl l-Imdina fid-9am kif ukoll fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-6pm. Matul il-quddiesa ta’ filgħaxija se jkun hemm ir-relikwa ta’ San Franġisk t’Assisi esposta għall-qima tal-poplu Nisrani.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi se jqaddes fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Il-quddiesa tibda fid-9:30am u tixxandar fuq TVM+, Knisja.mt, RTK 103 u Newsbook Malta.
Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Ljun XIV jistedinna nqiegħdu lil Alla mill-ġdid fiċ-ċentru ta’ ħajjitna permezz tas-smigħ tal-Kelma tiegħu u tas-sawm li “jgħin biex ikun hemm indiema vera”. Is-smigħ jgħinna nidħlu f’relazzjoni aktar profonda ma’ Alla kif ukoll nagħrfu l-karba tal-foqra u ta’ min ibati, filwaqt li s-sawm jiddixxiplina x-xewqat tagħna u jorjentahom lejn il-ġustizzja u l-imħabba. Il-Papa
jirreferi wkoll ċaħda mill-kliem “li jaqta’ fil-laħam il-ħaj” u minfloku “nagħmlu sforz biex nitgħallmu nqisu kliemna u nrawmu fina l-ġentilezza”. Flimkien, bħala komunità, aħna msejħin nagħmlu mixja ta’ tiġdid spiritwali u soċjali sabiex insiru aktar “attenti ħalli ngħinu tinbena ċ-ċiviltà tal-imħabba”.
Matul iż-żmien tar-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. Kulħadd hu mħeġġeġ iżur il-website randan.knisja.mt biex jara l-ġranet u l-ħinijiet taċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa fil parroċċi f’Malta.
//= $special ?>

