Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Il-battalja politika dwar l-Integration ma kinetx sempliċiment konfront ‘tas-soltu’ bejn il-Labour u l-Partit Nazzjonalista. Kienet ħafna aktar fundamentali. Kienet mhux biss tolqot l-eżistenza nnifisha ta’ Malta bħala nazzjon iżda saħansitra tisfida direttament ir-raison d’être tal-Partit Nazzjonalista – ir-raġuni għaliex kien twieled u baqa’ jeżisti: il-ġlieda biex Malta tikseb l-Indipendenza.
Wisq probabbli li l-kalkoli tal-Labour kienu li l-PN, megħlub b’mod konvinċentissmu f’elezzjoni ġenerali sena biss qabel, ma kienx se jkun f’pożizzjoni li jiqaflu b’mod determinanti fil-ġirja tiegħu lejn integrazzjoni mar-Renju Unit.
Kien hemm numru ta’ fatturi li, minn barra, kienu jindikaw li l-Labour seta’ jkollu walk-over komda.
■ Fl-aktar elezzjoni qrib, appuntu dak tal-1955, il-PN kien kiseb biss ftit aktar minn 40 fil-mija waqt li l-Labour kellu 56 fil-mija u distakk ta’ kważi 20,000 vot mill-PN.
■ Il-kampanja elettorali tal-Labour dwar l-Integration żvolġiet f’waħda qalila u vjolenti, b’meetings tal-PN (u ta’ Mabel Strickland) sfrattati vilment minn massa ta’ partitarji Laburisti megħjuna mill-Pulizija, preżenti, iżda ma tintervjenix.
■ Kien hemm propaganda qarrieqa u bla limiti fosthom li bl-Integration il-paga medja tal-ħaddiema titla’ għal £9 fil-ġimgħa (kwazi €450 bir-rata tal-lum – li jiġu madwar €23,400 fis-sena), wegħda ’l bogħod ħafna mir-realtà.
Minkejja dan l-ambjent għalkollox sfavorevoli, il-Partit Nazzjonalista sab ġo fih rieda qawwija u determinazzjoni li kienet kapaċi tegħleb dik is-sitwazzjoni tant kuntrarja.
Meta ngħidu PN b’saħħtu ma jfissirx bilfors li jkun fil-gvern. PN b’saħħtu jfisser li kapaċi jgħaqqad madwaru lil dawk kollha ta’ rieda tajba li jkunu lesti jgħinuh b’risq in-nazzjon kollu.
U din it-tagħlima tibqa’ tgħodd għal-lum u għal għada.

Wieħed mill-meetings Nazzjonalisti – fi Qui Si Sana – attakkat bi vjolenza minn partitarji Laburisti organizzati u bil-Pulizija kompliċi magħhom permezz ta’ impunità totali.
Il-bojkott tal-PN jidher aktar b’saħħtu 70 sena wara
Id-direttiva tal-PN għar-Referendum tal-Integration kienet li l-Maltin jibbojkottjawh billi ma jmorrux jivvutaw u, dawk li jmorru, jivvutaw LE.
Dawk li, eventwalment, marru jivvutaw, kienu biss 59.13 fil-mija.
Illum, 70 sena wara, meta nqabblu din iċ-ċifra ma’ erba’ Referenda oħrajn li saru f’pajjiżna tul dawn is-snin, insibu li r-Referendum tal-Integration kellu l-anqas rata ta’ votazzjoni u b’marġni sostanzjali. Iċ-ċifri rilevanti kienu dawn:
■ Referendum ‘Indipendenza’ (Mejju 1964): Ivvutaw 80 fil-mija
■ Referendum ‘Malta-UE’ (Marzu 2003): Ivvutaw 91 fil-mija
■ Referendum ‘Divorzju’ (Mejju 2011): Ivvutaw 72 fil-mija
■ Referendum ‘Kaċċa’ (April 2015): Ivvutaw 75 fil-mija
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ċar li s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista għal bojkott intlaqgħet f’ammonti sostanzjalment ħafna aktar milli qatt seħħ fi kwalunkwe referendum ieħor f’pajjiżna fuq medda ta’ 60 sena – bejn ir-Referendum tal-Integration (1956) u l-aħħar Referendum, dak dwar il-kaċċa (2015).
Ir-Referendum tal-Integration kien importanti ħafna għall-PN għaliex fuq l-eżitu tiegħu bena l-ħidma u ffissa l-objettivi tiegħu fis-snin ta’ wara biex, tmien snin wara, kiseb l-Indipendenza li għaliha tant ħabrek u ġġieled battalji.
Ġorġ Borg Olivier – deċiżiv biex l-Integration falliet…
… u bdiet it-triq lejn l-Indipendenza
Fl-1956 Malta kienet quddiem għażla li setgħet tibdel għalkollox l-identità nazzjonali tagħha. Il-proposta ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff favur l-integrazzjoni mar-Renju Unit wasslet għal Referendum storiku iżda wkoll għal konfront politiku qawwi.
Kien propju f’dak il-mument kritiku li ħareġ ir-rwol kruċjali u deċiżiv ta’ Ġorġ Borg Olivier, Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalsita f’dawk is-snin.
Borg Olivier ħa sehem dirett fir-Round Table dwar l-Integration tard fl-1955 f’Lancaster House f’Londra, fejn il-mexxejja politiċi Maltin u l-awtoritajiet Ingliżi ddiskutew il-futur kostituzzjonali ta’ Malta. Hu ressaq pożizzjoni ċara u konsistenti: Malta kellha tibqa’ qrib tal-Gran Britannja iżda bħala pajjiż awtonomu u mhux bħala territorju integrat u dipendenti.
Filwaqt li l-proposta tal-Integration kienet toffri rappreżentanza ta’ tliet membri Maltin fil-House of Commons, u ċerti benefiċċji soċjali u monetarji, Borg Olivier wissa li dik kienet iddgħajjef il-prinċipju fundamentali ta’ self government u t-tmexxija Maltija. Għalih, l-għażla loġika u dinjituża kienet dik ta’ Dominion Status fi ħdan il-Commonwealth, pass li seta’ jwassal b’mod naturali għall-Indipendenza.
Meta kien deċiż li jsir Referendum fil-11 u 12 ta’ Frar, Borg Olivier ħa waħda mill-aktar deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi tal-karriera tiegħu: sejjaħ għal bojkott tar-Referendum u, min imur, jivvota LE. Din id-direzzjoni ma kinetx espressjoni ta’ apatija iżda strateġija politika mmirata biex turi li l-poplu Malti ma kienx beħsiebu jagħti mandat ċar u inekwivoku għall-Integration.
Ir-riżultat wera li, minkejja li l-maġġoranza ta’ dawk li marru jivvutaw għażlu ‘IVA’, kważi nofs l-elettorat ma vvutax jew ivvota LE. Dan il-fatt wassal biex il-Gvern Ingliż jikkunsidra r-riżultat bħala nieqes minn awtorevolezza politika suffiċjenti u, għaldaqstant, il-proċess ta’ integrazzjoni ġġammja.
Il-pożizzjoni ta’ Borg Olivier bidlet id-direzzjoni tal-istorja Maltija. Minflok integrazzjoni, il-pajjiż beda miexi b’mod dejjem aktar ċar lejn indipendenza totali, li fil-fatt ma kinetx sempliċi koinċidenza li din inkisbet bit-tmexxija ta’ Borg Olivier innifsu bħala Prim Ministru.
Ir-Referendum tal-1956 u l-bojkott li mexxa jibqgħu xhieda tar-rwol storiku ta’ Ġorġ Borg Olivier fil-ħolqien tal-Istat modern Malti.
Herbert Ganado fuq quddiem tal-battalja
Fi żmien ir-Referendum tal-Integration, Herbert Ganado kien membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Nazzjo-nalista. Hu mhux biss kiteb numru impressjonanti ta’ artikli kontra l-Integration iżda anki kien jitkellem fil-pubbliku fejn kien tassew perikoluż li tagħmel dan.
Għalkemm ftit żmien wara Ganado kien qabad triq differenti minn dik tal-PN, il-kontribut tiegħu biex il-proposta tal-Integration tkun megħluba ma jistax jintesa.
Herbert Ganado kiteb fit-tul dwar dan kollu fis-serje imprezzabbli RAJT MALTA TINBIDEL li propju dan l-aħħar ħarġet edizzjoni oħra tagħha li tifrex fuq kważi mitt sena tal-istorja ta’ pajjiżna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 16 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

