Opinjoni

Opinjoni: Konvenzjani Nazzjonali – Malta ‘l Quddiem

Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja se titlaqqa’ l-Konvenzjoni Nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista... opportunità ta’ djalogu miftuħ fil-proċess tat-triq ’il quddiem tal-politika għall-ġejjieni

Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
tal-Partit Nazzjonalista

Jinsabu fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-Konvenzjoni Nazzjonali li se tkun qed tittella’ fi tmiem il-ġimgħa li ġejja fil-Lukanda Excelsior u li għaliha hu mistieden kulħadd.
Il-Konvenzjoni Nazzjonali hi opportunità għal djalogu miftuħ fejn kulħadd hu mistieden li jieħu sehem u jipparteċipa, anki billi jaqsam l-esperjenzi u l-ideat tiegħu f’dan il-proċess tal-politika tal-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-pubbliku biex fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla – bejn il-21 u t-22 ta’ Frar –jipparteċipa fil-Konvenzjoni Nazzjonali ’Malta ’l Quddiem’ li l-iskop tagħha hu li tiġbor u tixtarr dak li għandhom xi jgħidu n-nies biex il-Partit ikomplu jfassal u joħloq politika bil-vuċi tan-nies fiċ-ċentru tagħha, u, sussegwentement fit-tfassil tal-programm elettorali li jkun wieħed li direttament jaħdem għan-nies.

Wegħda li se ssir realtà
Kif wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fil-kampanja tiegħu għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit, din il-Konvenzjoni se sservi bħala spazju miftuħ fejn l-ideat, l-enerġija u l-esperjenzi tan-nies jingħaqdu f’viżjoni li tifforma l-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Il-programm ta’ din il-Konvenzjoni Nazzjonali jibda s-Sibt meta bejn id-9am u s-1pm, wara l-ftuħ mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut u d-diskors taċ-Chairman tal-Konvenzjoni George Vital Zammit, se jkunu qed isiru numru ta’ workshops immexxija minn għadd ta’ moderaturi.
L-għada l-Ħadd, bejn id-9am u n-12:30pm, ir-rapporteurs ta’ kull workshop jippreżentaw il-konklużjonijiet tagħhom waqt li ssir diskussjoni bis-sehem ta’ numru ta’ esperti minn oqsma differenti. Wara li l-Konvenzjoni tkun indirizzata minn mistieden speċjali, il-Konvenzjoni tiġi fi tmiemha b’messaġġ tal-għeluq mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg.

Temi li jixprunaw diskussjoni
Quddiemha l-Konvenzjoni se jkollha numru ta’ temi partikulari li se jservu bħala bażi għad-diskussjoni:
 Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha
 Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd
 Komunitajiet b’saħħithom
 Gvern li jieħu ħsiebek
 Malta lesta għal għada
 Għawdex fil-qalba tal-viżjoni
nazzjonali

Sehem l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti
Il-Konvenzjoni Nazzjonali – kif jixhed isimha – se tkun miftuħa għal kull min jixtieq isemma’ leħnu, u għalhekk minbarra lit-tesserati tiegħu li huma mħeġġa biex jieħdu sehem attiv f’dan il-proċess ta’ djalogu, il-Partit qed jestendi l-istedina lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li jixtiequ jipparteċipaw biex jipparteċipaw f’din il-Konvenzjoni.
Għall-Konvenzjoni qed jiġu mistiedna wkoll l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti, kif ukoll l-għaqdiet ewlenin tal-pajjiż biex flimkien ma’ numru ta’ esperti, huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-Partit fid-diversi oqsma.
Dan għaliex il-Partit Nazzjonalsita jemmen li s-soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biss meta nġibu lil kulħadd flimkien – individwi, komunitajiet, negozji, NGOs, unions u oħrajn biex nisimgħu lil xulxin u flimkien infasslu l-ġejjieni.
B’hekk din il-Konvenzjoni sservi verament bħala katalista tal-ideat u minnha noħorġu qafas ta’ policies li jwassluna għall-ġejjieni, biex flimkien inkunu nistgħu mmexxu lil Malta ’l quddiem.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.