Opinjoni

Opinjoni: Nipproteġu lill-vulnerabbli… bil-fatti u mhux bil-paroli

Bejn għada s-16 u l-20 ta’ Frar 2026, se tittella’ l-kampanja Ġustizzja Soċjali, fejn madwar mejda se niddiskutu s-solitudni fl-isfond

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar, l-Esklużjoni Soċjali u l-Pensjonijiet 

Bejn għada u nhar il-Ġimgħa li ġej se tittella’ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġimgħa Ġustizzja Soċjali li se tkun tinkludi wkoll il-preżentazzjoni ta’ Private Members Bill lil Anġlu Farrugia bħala l-President tal-Parlament.
Permezz ta’ dan il-Private Members Bill, is-soċjetà Maltija qegħda turi li teħtieġ impenn nazzjonali aktar ċar u ambizzjuż biex jiġu introdotti programmi edukattivi nazzjonali, xierqa għall-età, li jsaħħu il-ħsieb kritiku, il-ħiliet tal-ħajja, il-litteriżmu emozzjonali, is-sens tal-valur u l-kura personali.
Dawn huma ħiliet prattiċi, mhux kunċetti astratti, li jistgħu jiġu mgħallma, mifhuma u msaħħa tul il-mixja edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Huwa tabilħaqq investiment għall-futur, mhux biss biex itaffi l-isfdi eżistenti, iżda biex nagħmlu dak kollu possibbli biex nikkontrollawhom milli jikbru aktar.
L-introduzzjoni ta’ programmi strutturati u xierqa għall-età għandha tibda minn età bikrija u tiżviluppa b’mod progressiv tul l-edukazzjoni primarja u sekondarja.
Tfal iżgħar jistgħu jiġu mgħallma jagħrfu l-emozzjonijiet tagħhom, jipprattikaw u jiżviluppaw empatija u għarfien tagħhom infushom. Hekk kif jikbru, il-programmi jistgħu jpoġġu aktar enfasi fuq il-ħsieb kritiku, it-teħid ta’ deċiżjonijiet b’saħħithom, il-ġestjoni tal-istress, il-ftehim tar-relazzjonijiet u l-bini ta’ sens pożittiv tal-valur personali.

Promozzjoni għad-dinjità tal-bniedem
Il-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali hi inizjattiva li varajt jien biex niżgura li d-dinjità tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-vuċijiet tal-aktar vulnerabbli jibqgħu fiċ-ċentru tal-kuxjenza nazzjonali tagħna.
Tul dawn it-tmien snin, din l-inizjattiva saret spazju mhux biss għar-riflessjoni, iżda wkoll għall-involviment, ir-responsabbiltà u l-azzjoni. Tul dawn is-snin inkiseb progress sinifikanti, iżda l-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tibqa’ proċess kontinwu li qed jevolvi.
Il-ġustizzja soċjali tibda fejn tispiċċa l-arroganza politika. Meta l-awtorità titħaddem mingħajr umiltà, trasparenza jew moderazzjoni, dejjem huma l-vulnerabbli li jħallsu l-prezz.
Persuni li jiffaċċjaw il-faqar, is-solitudni, l-esklużjoni jew l-intimidazzjoni jħossu bl-aktar mod qawwi l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet meħuda mingħajr smigħ tar-realtajiet li jgħixu fihom. Ħafna drabi l-inġustizzja tippersisti mhux għax tkun intenzjonata, iżda għax tiġi injorata.
Avvenimenti internazzjonali riċenti, inklużi azzjonijiet ta’ infurzar militarizzat li wasslu għall-mewt ta’ ċivili, ifakkruna li poter tal-Istat bla kontroll inaqqar il-fiduċja u jqiegħed liċ-ċittadini ordinarji f’riskju. Dawn mhumiex traġedji mbiegħda.
Huma twissijiet għal kull demokrazija. Malta wkoll iġġorr marki mill-passat tagħha bħal stejjer li baqgħu fid-dlam u ma ġewx solvuti fost oħrajn. Matul il-jum tat-Tlieta filwaqt li sejrin nippreżentaw diversi riżoluzzjonijiet u Legal notices, ser nagħmlu wkoll żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Legal Aid Office, fost oħrajn.

Protezzjoni liċ-ċittadini
L-istituzzjonijiet jeżistu biex jipproteġu liċ-ċittadini, mhux biex jintimidawhom u hawn ukoll irridu nwasslu messaġġ li l-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali mhix slogan, iżda esperjenza reali.
Il-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali teżisti proprju biex taffaċċja dawn ir-realtajiet. Tfakkarna li l-ġustizzja soċjali mhijiex slogan astratt, iżda esperjenza reali… iffurmata mill-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni soċjali, id-dinjità fid-detenzjoni, l-inklużjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kompassjoni fit-tmexxija.
Id-demokrazija titkejjel mhux minn kemm jitħaddem poter, iżda minn kemm dan jiġi ristrett b’għaqal. Soċjetà ġusta tmexxi b’umiltà, tisma’ b’empatija, u tqiegħed id-dinjità tal-bniedem fiċ-ċentru tal-ħajja pubblika… mhux bħala slogan, iżda bħala realtà li tgħix.
Il-programm ta’ din is-sena jirrifletti dan l-impenn billi jiġbor flimkien l-istituzzjonijiet, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet lokali u l-individwi madwar l-istess mejda.
Kulħadd mistieden jipparteċipa fid-diskussjonijiet u jisma vuċijiet li wisq drabi ma jinstemgħux. Il-parteċipazzjoni hija essenzjali.
Mill-Erbgħa 18 sal-Ġimgħa 20 ta’ Frar, proprju Jum il-Ġustizzja Soċjali, ikollna l-qofol tal-kampanja, bil-programm jinkludi:-

L-Erbgħa 18 ta’ Frar
09:30 – Diskussjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali bil-parteċipazzjoni ta’ kelliema esperti flimkien ma’ mistiedna speċjali Analisa Minetti fis-Sala tal-Kunsill taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta.
Analisa Minetti hija kantanta Taljana u atleta Paralimpika li kisbet fama fl-1998 wara li rebħet il-Festival tal-Mużika ta’ Sanremo bil-kanzunetta ‘Senza te o con te’.
Affettwata mir-retinite pigmentosa u mid-deġenerazzjoni makulari, gradwalment tilfet id-dawl ta’ għajnejha u aktar tard daħlet fid-dinja tal-isport kompetittiv.
Hija rrappreżentat lill-Italja fil-Logħob Paralimpiku ta’ Londra fl-2012, fejn rebħet midalja tal-bronż fil-1,500 metru.
Minbarra l-mużika u l-atletika, hija wkoll kittieba, personalità televiżiva u attivista favur ir-reżiljenza, id-diżabbiltà u l-inklużjoni. Wieħed jistenna, taħlita ta’ preżentazzjonijiet formali u diskussjoni miftuħa, b’qsim ta’ esperjenzi u perspettivi dwar il-ġustizzja soċjali.
12:30 – Konferenza tal-Aħbarijiet iddedikata lis-soċjetà ċivili, li tirrikonoxxi lill-NGOs bħala msieħba essenzjali fl-indirizzar tal-faqar, id-diżabbiltà u l-esklużjoni soċjali.

Il-Ħamis 19 ta’ Frar
08:30 – Quddiesa fil-Knisja ta’ Madonna tal-Vitorja, il-Belt Valletta, iċċelebrata minn l-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof George Frendo, magħruf għall-ħidma pastorali tiegħu fost komunitajiet vulnerabbli fl-Albanija.
09:30 – Konferenza fil-Kamra tad-Deputati, il-Belt Valletta.
Djalogu nazzjonali dwar il-ġustizzja, id-dinjità u r-responsabbiltà.

Il-Ġimgħa 20 ta’ Frar – Jum il-Ġustizzja Soċjali
18:30 – Ċerimonja tal-Premju tal-Ġustizzja Soċjali fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard, taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Dan l-avveniment ta’ għeluq jonora l-impenn, il-kuraġġ u s-servizz favur il-ġustizzja soċjali.
Din hija l-ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali, ma jfissirx li m’ għandniex nibqgħu nittkellmu matul is-sena kollha. Imma din il-ġimgħa b’ mod speċjali irridu nperrċu l-Ħniena, inperċu l-Imħabba, inperrċu l-Ġustizzja Soċjali. Ilkoll kemm aħna għandna nibqgħu nsostnu dan il-kliem bil-għan li kulħadd jibda jitkellem bil-lingwa tagħna.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar din il-kampanja Ġustizzja Soċjali għandu jċempel fuq 9945 0877 jew 9968 0020.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.