Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni
Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet
u l-Ġlieda Kontra l-Faqar
Illum it-Tnejn 16 ta’ Jannar tiftaħ il-kampanja Ġustizzja Soċjali għat-tmien sena konsekuttiva. Fuq inizjattiva tad-Deputat Ivan Bartolo u t-tim li huwa maż-żmien ħoloq, fost l-attivitajiet li jtellgħu matul is-sena, tibqa’ din il-kampanja fuq quddiem nett tal-ħidma tat-tim flimkien mal-Partit Nazzjonalista. Fid-9:30a.m tiftaħ din il-kampanja ta’ ġimgħa, madwar mejda fil-kamra tal-Oppożizzjoni fejn id-diskussjoni mmexxija minn Dr Francine Abela tidderiġiha lejn is-suġġett tas-Solitudni fl-isfond tal-Ġustizzja Soċjali. Diversi esperti u kelliema fis-suġġett, fosthom il-Kummissarju tal-Volontarjat Jesmond Saliba jagħtuna stampa ċara dwar l-importanza tas-suġġett diskuss.
Il-Ħamis li ġej, imbagħad, fi tmiem il-Konferenza Nazzjonali fil-Parlament, id-Deputat Ivan Bartolo jippreżenta Private Members Bill dwar is-Solitudni lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Permezz ta’ dan il-Private Members Bill, is-soċjetà Maltija qiegħda turi li teħtieġ impenn nazzjonali aktar ċar u ambizzjuż biex jiġu introdotti programmi edukattivi nazzjonali, xierqa għall-età, li jsaħħu l-ħsieb kritiku, il-ħiliet tal-ħajja, il-litteriżmu emozzjonali, is-sens tal-valur u l-kura personali. Dawn huma ħiliet prattiċi, mhux kunċetti astratti, li jistgħu jiġu mgħallma, mifhuma u msaħħa tul il-mixja edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa tabilħaqq investiment għall-futur, mhux biss biex itaffi l-isfidi eżistenti, iżda biex nagħmlu dak kollu possibbli biex nikkontrollawhom milli jikbru aktar. L-introduzzjoni ta’ programmi strutturati u xierqa għall-età għandha tibda minn età bikrija u tiżviluppa b’mod progressiv tul l-edukazzjoni primarja u sekondarja. Tfal iżgħar jistgħu jiġu mgħallma jagħrfu l-emozzjonijiet tagħhom, jipprattikaw u jiżviluppaw empatija u għarfien tagħhom infushom. Hekk kif jikbru, il-programmi jistgħu jpoġġu aktar enfasi fuq il-ħsieb kritiku, it-teħid ta’ deċiżjonijiet b’saħħithom, il-ġestjoni tal-istress, il-ftehim tar-relazzjonijiet u l-bini ta’ sens pożittiv tal-valur personali.
Konsistenza bejn l-iskejjel
Dawn il-programmi m’għandhomx jeżistu b’mod iżolat. Għandhom u jistgħu jiġu integrati f’suġġetti eżistenti, b’mod partikolari fil-Personal and Social Career Development (PSCD), li diġà jipprovdi qafas naturali biex jiġu indirizzati t-tkabbir personali, ir-responsabbiltà soċjali u l-ippjanar tal-ħajja. Billi nsaħħu l-PSCD permezz ta’ programm nazzjonali definit sew, nistgħu niżguraw konsistenza bejn l-iskejjel filwaqt li nħallu spazju għall-flessibbiltà skont il-bżonnijiet tal-istudenti. Dan l-approċċ huwa importanti wkoll biex ma nżidux bla bżonn il-piż fuq il-kurrikulu edukattiv nazzjonali. Minflok inżidu suġġetti ġodda, inkunu qed nagħtu kontenut aktar relevanti lil dak li diġà hemm, u nagħmlu l-edukazzjoni aktar marbuta mar-realtà u mal-isfidi ta’ kuljum li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ.
Biex dawn il-programmi jirnexxu, jeħtieġ li jiġu mgħallma minn edukaturi li jkunu mħarrġa u appoġġjati kif suppost. L-għalliema ma jistgħux jitħallew iġorru din ir-responsabbiltà waħedhom mingħajr l-għodod meħtieġa. Għaldaqstant, għandu jkun hemm żvilupp professjonali kontinwu li jiffoka fuq il-litteriżmu emozzjonali, approċċi sensittivi għat-trawma u prattiċi inklużivi fil-klassi. Fl-istess ħin, l-iskejjel għandhom ikollhom aċċess strutturat għall-professjonisti tas-saħħa mentali – bħal psikoloġi, counsellors u social workers li jistgħu jappoġġjaw kemm lill-edukaturi kif ukoll lill-istudenti. Ir-rwol tagħhom mhuwiex li jimmidikalizzaw emozzjonijiet normali, iżda li jiżguraw li meta jinqalgħu diffikultajiet, dawn jiġu indirizzati kmieni, b’sensittività u b’mod effettiv.
Importanti wkoll li dawn il-programmi jkunu mhux stigmatizzati, inklussivi u sensittivi għall-kultura. L-edukazzjoni dwar il-benesseri emozzjonali għandha tinnormalizza d-diskussjoni dwar is-sentimenti, l-istress u l-kura personali, mingħajr tikketti jew esklużjoni. Għandha tirrispetta d-diversità tal-isfondi familjari, it-twemmin u l-esperjenzi preżenti fil-klassijiet Maltin, u tippromwovi ftehim u rispett reċiproku.
Investiment fit-tul
L-introduzzjoni ta’ programmi nazzjonali fil-mindfulness, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet tal-ħajja u l-kura personali mhijiex miżura għal żmien qasir. Hija investiment fit-tul fis-saħħa pubblika, fil-koeżjoni soċjali u fir-riżultati edukattivi. Ir-riċerka turi b’mod konsistenti li studenti li jiżviluppaw ħiliet emozzjonali u soċjali jkollhom prestazzjoni akkademika aħjar, inqas diffikultajiet fl-imġiba u aktar propensità li jfittxu l-għajnuna meta jkollhom bżonn. Dan huwa wkoll approċċ preventiv. Billi ngħinu liż-żgħażagħ jibnu reżiljenza, għarfien tagħhom infushom u mekkaniżmi ta’ adattament b’saħħithom, inkunu qed innaqqsu r-riskju ta’ sfidi aktar serji tas-saħħa mentali fil-futur. Fl-istess ħin, nagħtuhom l-għodod biex jinnavigaw informazzjoni falza, pressjoni bejn il-pari u l-ambjenti diġitali b’kunfidenza u ġudizzju kritiku. Bħala pajjiż, irridu nkunu onesti u nammettu li s-suċċess akkademiku waħdu mhux biżżejjed jekk u meta ż-żgħażagħ tagħna jħossuhom megħlubin, iżolati jew mhux apprezzati. L-edukazzjoni għall-benesseri emozzjonali, soċjali u mentali mhijiex lussu. Hi responsabbiltà li s-sistema edukattiva għandha tindirizza.
L-Istat għandu jmexxi billi jiżgura li kull tifel u tifla, f’kull skola, ikollhom aċċess għall-programmi ta’ kwalità għolja, xierqa għall-età, li jappoġġjaw lill-persuna kollha. Dan mhux biss riforma edukattiva – iżda dikjarazzjoni ċara dwar it-tip ta’ soċjetà li rridu nibnu: waħda li tgħożż l-għarfien, iżda wkoll id-dinjità, ir-reżiljenza u l-kura lejn xulxin.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar din il-kampanja Ġustizzja Soċjali għandu jċempel 99450877 jew 99680020. Matul din il-ġimgħa In-Nazzjon se jżommna aġġornati dwar dak kollu li jkun għaddej.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 16 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

