Lokali

Repubblika ssellem il-memorja ta’ Laurence Grech

Repubblika ssellem il-memorja ta’ Laurence Grech u tibgħat il-kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u l-kollegi tiegħu.
Bħala editur ta’ The Sunday Times of Malta, serva lill-pubbliku b’serjetà, dixxiplina, u integrità fi żmien meta l-ġurnaliżmu f’pajjiżna kien mgħobbi b’responsabbiltà enormi. Ħidmietu kienet tirrifletti t-twemmin li l-istampa mhix hemm biex tinċensa lill-poter imma biex tinforma lis-soċjetà, li tissindika lill-awtorità, u ssaħħaħ il-ħajja demokratika.
Għal ħafna ġurnalisti li ġew warajh, Laurence Grech jibqa’ punt ta’ riferiment: eżempju ta’ professjonalità, indipendenza, u impenn għall-verità. Il-kontribut tiegħu għen biex jieħdu surithom standards li għadhom jiggiwdaw il-ġurnaliżmu f’Malta llum.
Fi stqarrija, Repubblika rringrazzjatu għas-servizz tiegħu u għal-legat li ħalla warajh: tifkira li l-fiduċja tal-pubbliku fil-ġurnaliżmu tiġi bil-paċenzja, bil-kuraġġ, u bl-onestà.