Lokali Qorti

Sentejn ħabs sospiżi wara ġlieda barra l-Qorti

Massimo Fasanelli ta’ 27 sena minn San Luċija ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin wara li weġġa’ gravi raġel ieħor waqt argument li seħħ barra l-binja tal-Qorti. L-imputat ammetta li hedded lill-vittma u li kkaġunalu ġrieħi gravi, kif ukoll li kiser ħames digrieti separati relatati mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew imposti fuqu f’każijiet oħra.

Il-Qorti semgħet kif Fasanelli u individwu ieħor kienu nqabdu f’argument verbali li aktar tard eskala f’ġlieda fiżika barra l-binja tal-Qorti. Membri tal-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri intervjenew biex jikkalmaw is-sitwazzjoni u jifirdu liż-żewġ irġiel involuti.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil ikkunsidrat in-natura serja tar-reati li bihom ġie mixli l-imputat u li tagħhom huwa ddikjara ruħu ħati. Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-imputat għamel ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri, kif ukoll li l-vittma ddikjarat li qed taħfirlu u li ma kellhiex interess li tara piena karċerarja effettiva imposta fuqu.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Fasanelli ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu għal sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin. Barra minn hekk, ġiet ordnata l-konfiska ta’ €4,000 mid-depożiti li kienu ġew imposti fuqu permezz tad-digrieti tal-ħelsien mill-arrest.