Knisja Lokali

Servizz Penitenzjali għar-Randan fil-Knisja tal-Kapuċċini

Il-Fondazzjoni Kulturali Papa San Ġwanni Pawlu II se terġa’ torganizza għal sena oħra s-Servizz Penitenzjali għar-Randan ta’ din is-sena. Dan l-avveniment spiritwali, li huwa parti mill-“JP2 Memorial Festival”, se jsir fl-20 ta’ Frar 2026, li taħbat l-ewwel Ġimgħa tar-Randan.

Ir-riflessjonijiet spiritwali għal din is-sena se jikkonċentraw fuq is-Salib Imqaddes. L-avveniment se jsir fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victoria (li jinsab fit-triq lejn Marsalforn) magħruf man-nies lokali bħala “il-Knisja tal-Kapuċċini”.

Din il-knisja, li hija taħt il-kustodju tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, fiha l-Kurċifiss Mirakoluż Devozzjonali tal-Kanonku Giovanni Pietro Francesco Agius de Soldanis li jinsab fil-kappella tal-ġenb tal-Knisja u Ii ngħata lill-Patrijiet Kapuċċini Għawdxin fl-1747.

Il-Kor Parrokkjali tax-Xewkija “ULIED IL-BATTISTA” taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Amy Borg, se jipparteċipa u janima din il-manifestazzjoni. L-avveniment se jibda fis-7.30pm.

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi.