Sport Waterpolo

Sliema u San Ġiljan jiksbu riżultati pożittivi fil-Challenger Cup fil-Litwanja u s-Slovenja u jikkwalifikaw għal ma’ l-aħħar 8

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Sliema ASC u San Ġiljan kienu involuti f’partiti mill-European Aquatics Challenger Cup li qed iseħħ ġewwa Vilnius fil-Litwanja u rebħuhom kollha.

Sliema ASC kellhom prestazzjoni dominanti fi Grupp A hekk kif temmew fil-quċċata tal-grupp wara partita missielta kontra EVK Zalbas mil-Litwanja. Ir-riżultat finali jkun dak ta 12-10 favur il-Maltin. Sliema żammew il-kontroll tul il-partita mill-bidu sat-tmiem.

F’din il-partita deċisiva, Liam Galea kien wieħed mill-aktar plejers influwenti permezz ta’ tliet gowls, filwaqt li Niccolo Gitto, Benjamin Cachia u Dino Zammit kienu fundamentali ukoll fir-rebħa Slimiża. Is-Slimiżi, li s-sena li għaddiet kienu waslu sas-semifinali tal-kompetizzjoni Ewropea, għelbu lill-finalisti tal-istaġun preċedenti, l-istess EVK Zaibas.

Kif juri r-riżultat, il-konfront kien wieħed bilanċjat u mimli tensjoni. Sliema rebħu kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni sessjoni biex marru għall-mistrieħ 7-5 minn fuq. Il-Litwani, imħeġġa mill-folla tal-home team, ippruvaw iżidu r-ritmu fit-tielet sessjoni, iżda Sliema xorta rnexxielhom joħorġu minn fuq b’vantaġġ ta’ gowl wieħed biex fetħu vantaġġ ta’ 10-7.

Fl-aħħar sessjoni, Zaibas ippruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba u saħansitra naqqsu d-distakk kmieni, iżda Sliema żammew il-kalma tagħhom u kkontrollaw il-vantaġġ ta’ żewġ gowls sal-aħħar biex issiġillaw wirja perfetta barra minn darhom.

Liam Galea kien l-aqwa skorer tat-tim bi tliet gowls, filwaqt li Niccolò Gitto, Benjamin Cachia u Dino Zammit skorjaw doppjetta kull wieħed. L-iskorers l-oħra għal Sliema kienu Aleksandar Ivović, Jake Cachia u Elijah Schembri.

Permezz ta’ din ir-rebħa Sliema kisbu post mat-Top 8 tal-kompetizzjoniji. Fil-partita ta’ qabel Sliema għelbu lil Cetus Espoo tal-Finlandja 21-11.

Minn naħa l-oħra, San Ġiljan ukoll impressjonaw fi Grupp B meta għelbu lil VK Banja Luka mill-Bosnja 27-2 u kif jindika r-riżultat rebħu mingħajr ebda diffikulta. Russell Caruana kien l-iskorer ewlieni tal-partita, b’gowls oħra jaslu ukoll minn Matthew Zammit, Gabriel Bonavia, Alika Naone, Nikolai Zammit u Nico Schiavone.

B’dan ir-riżultat impressjonanti, San Ġiljan ukoll ikkwalifikaw għall-fażi oħra tal-kompetizzjoni u bħal Sliema rebħu l-grupp u dan wara li għelbu wkoll li ospiti Branik Maribor tas-Slovenja 21–19. San Ġiljan ASC irnexxielhom jirbħu rebħa diffiċli, f’logħba mimlija tensjoni u bidliet fl-iskor.

Il-logħba bdiet b’dinamika intensiva hekk kif il-‘home tema’ kien fil-vantaġġ ta’ 4-3 wara l-ewwel kwart. Madankollu, San Ġiljan ASC żammew il-kalma u bdew il-‘comeback’, li wassal biex marru 9-8 fit-tmiem it-tieni sessjoni.

Filwaqt li l-ospiti ippruvaw iżidu l-pressjoni u naqqsu d-distakk, iċ-Champions Maltin żammew il-vantaġġ tagħhom li laħaq 17-15 qabel l-aħħar sessjoni. Fis-sessjoni finali, id-determinazzjoni tas-Sloveni kien qawwi biex naqqsu d-distakk, iżda San Ġiljan irnexxielhom iżommu kalmi u jiskorjaw biex issiġillaw ir-rebħa bl-iskor finali ta’ 21-19.

Ben Plumpton skorja sitt gowls, filwaqt li Nikolai Zammit u Jeremy Zammit sabu x-xibka ħames darbiet kull wieħed. Marko Vavic u l-captain skipper Matthew Zammit skorjaw żewġ goals kull wieħed, bil-gowl l-ieħoe jasal minn Alika Naone.

Għaldaqstant Sliema ASC u San Ġiljan ASC se jkunu fl-azzjoni fit-Tournament Top 8 nofs Marzu, kompetizzjoni li hemm ċans tajjeb li ssir f’Malta, fost il-pajjiżi ndikati li jistgħu jospitaw il-logħbiet.

It-timijiet Maltin issa huma ħerqana lejn din il-fażi, wara prestazzjonijiet pożittivi fil-kwalifikazzjonijiet, u jimmira għall-ogħla pożizzjonijiet fil-kompetizzjoni Ewropea.