Abubaker Adam Ismail, Sudaniż ta’ 34 sena residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, tressaq il-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih dwar pussess u traffikar ta’ droga. Huwa kien mixli bil-pussess u t-traffikar tal-kannabis, liema sustanza nstabet f’ċirkostanzi li, skont il-Prosekuzzjoni, juru li ma kinitx maħsuba għall-użu esklussiv tiegħu.
Barra minn hekk, ġie mixli wkoll bil-pussess ta’ droga sintetika, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ inqas minn mitt metru mill-perimetru ta’ skola, klabb jew post ieħor fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, kif ukoll li sar riċediv.
Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija waqqfuh fi Triq il-Marsa, il-Marsa, hekk kif allegatament ipprova jaħrab meta lemaħ lill-uffiċjali. Wara tfittxija fil-ġakketta u fil-qalziet tiegħu, instabu numru ta’ qratas bid-droga u ammont ta’ flus kontanti.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġeb ħati tal-akkużi u kkonferma l-ammissjoni tiegħu wara li ngħata żmien biex jirrifletti. Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Prosekuzzjoni rrimarkat li l-imputat kien diġà nstab ħati ta’ pussess ta’ kannabis u kien ġie kkundannat 18-il xahar priġunerija.
Madankollu, sostniet li dik is-sentenza ma kinitx biżżejjed biex iżżommu ’l bogħod mid-droga. Il-Maġistrat Grima mistennija tagħti s-sentenza nhar il-Ħamis li ġej. Sadanittant, l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat.
//= $special ?>

