Il-Gvern immexxi mill-President Ukren Volodymyr Zelensky qed jipprova jtaffi l-effetti ta’ skandlu ieħor — proprju meta l-Gwerra fl-Ukrajna qarrbet sew ir-raba’ sena… Dan wara li eks-Ministru Ukren b’responsabbiltà għall-enerġija spiċċa arrestat proprju f’ħin meta kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż.
L-eks Ministru, German Galushchenko, is-sena l-oħra kien spiċċa mkeċċi mir-rwol fl-Amministrazzjoni wara li ssemma fost diversi uffiċjali li isimhom inkixef b’rabta’ ma’ skandlu relatat mal-korruzzjoni.
Intant, Galushchenko inqabad mill-pulizija waqt li kien fuq ferrovija li kienet qed tivvjaġġa ‘il hinn mill-Ukrajna, għalkemm id-destinazzjoni tiegħu ma kenitx ikkonfermata mill-mezzi uffiċjali.
Madankollu, l-eks-Ministru jinsab f’sitwazzjoni mill-aktar diffiċli meta hu wieħed minn grupp ta’ personalitajiet tal-Gvern Ukren li, ftit tax-xhur ilu, spiċċaw implikati f’allegata skema ta’ frodi b’ valur ta’ madwar 80 miljun ewro.
Il-Bureau Ukren għal Kontra l-Korruzzjoni, fi stqarrija, sostna li d-detektivs arrestaw lill-eks-Ministru ‘f’ħin meta hu kien qed jaqsam mill-fruntiera tal-Ukrajna’.
German Galushchenko, fil-fatt, kien serva wkoll bħala Ministru għall-Ġustizzja u sakemm kien sfurzat jirriżenja mill-President Zelensky. Qabel ingħata dik id-deskasteru, Galuschenko kien serva bħala Ministru tal-Enerġija għal tlett snin sħaħ – bis-suċċessur tiegħu, Svitlana Hrynchuk, tispiċċa tirriżenja wara li hi wkoll kienet implikata fl-iskandlu.
Dan l-iskandlu, bla dubju, huwa xkiel addizzjonali għall-Gvern ta’ Zelensky li kien rebaħ il-poter sa minn qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja fl-24 ta’ Frar tal-2022….Rebħa elettorali li Zelensky kien aċċerta minnha bil-wiegħda li jikkontrolla u jelimina l-korruzzjoni f’pajjiżu.
L-aħħar żviluppi qed ikunu konfermati wkoll wara r-riżenja ta’ Andriy Yermak minn chief-of-staff tal-President u li kien ukoll l-eqreb konsulent ta’ Zelensky sa mill-bidu tal-gwerra. Intant, ma tressqu l-ebda akkużi uffiċjali fil-konfront ta’ Yermak inkella fil-konfront tal-Mexxej tal-Ukrajna.
Madankollu, mistenni li l-Istati Uniti, fil-jiem li ġejjin, iżżid il-pressjoni fuq Zelensky biex jiddikjara elezzjonijiet ġenerali ġodda u minkejja li l-Ukrajna għaddejja mill-aktar fażi diffiċli tal-gwerra hi u tirreżisti lill-qawwiet tal-Kremlin.
Dan ukoll meta l-elezzjonijiet fl-Ukrajna ilhom sospiżi mill-bidu tal-gwerra minħabba l-proviżjonijiet speċifiċi fil-Kostituzzjoni tal-Ukreni.
//= $special ?>

