Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Fgura nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li sawwat lil ommu u kkaġunalha ġrieħi gravi. Fil-Qorti, l-Ispettur Carlos Cordina, li qed imexxi l-investigazzjoni, spjega li l-każ ġie rrappurtat mill-omm tal-akkużat stess.
Skont il-Prosekuzzjoni, il-mara sofriet ġrieħi gravi wara li allegatament ġiet aggreditata minn binha. Intqal li l-vittma kellha tittieħed l-isptar għall-kura medika wara li qalgħet diversi swat u daqqiet waqt l-inċident. Fost il-ġrieħi li sofriet, il-mara allegatament spiċċat bla sinna.
Ftit li xejn ingħataw dettalji dwar il-każ fil-Qorti anke jekk l-Ispettur iddeskriva l-każ bħala wieħed “tassew sfortunat”. Id-difiża ddikjarat li ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest, peress li l-imputat ma għandux indirizz fiss fejn joqgħod għajr ma’ ommu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-partijiet qablu li l-imputat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, deċiżjoni li trid tittieħed finalment mid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – filwaqt li l-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat.
//= $special ?>

