Mara ta’ 47 sena mill-Belt Valletta ġiet ikkundannata 13-il xahar priġunerija wara li nstabet ħatja li ffalsifikat il-firma tal-eks raġel tagħha fuq ċekk bankarju u ssarrfitu għall-benefiċċju tagħha. Yana Micallef Stafrace sabet lil Joann Debono ħatja ta’ falsifikazzjoni u użu malizzjuż ta’ dokumenti, iżda illiberatha minn akkuża separata ta’ kisba ta’ flus jew proprjetà b’qerq minħabba nuqqas ta’ prova suffiċjenti.
Fil-Qorti xehed l-Ispettur Priscilla Caruana Lee li l-Pulizija rċeviet rapport dwar ċekk ta’ €1,197 maħruġ bħala ħlas għal xogħlijiet tal-ġibs imwettqa minn Hussein Mohammed Abdul u Diego Giordano. Iċ-ċekk kien inħareġ f’isem Hussein iżda ntbagħat bi żball f’indirizz fil-Bet Valletta li kien jidher fuq irċevuta tal-VAT.
Għalkemm iċ-ċekk kien diġà ġie msarraf, Hussein irrapporta li qatt ma rċevieh u informa lill-Pulizija li l-eks mara tiegħu kienet toqgħod f’dak l-indirizz. L-investigazzjonijiet ikkonfermaw li kienet Debono li ssarrfet iċ-ċekk.
Kopja taċ-ċekk miksuba mill-bank uriet l-isem ta’ Hussein miktub fuq wara flimkien mal-firma ta’ Debono. Meta ġiet interrogata, hija sostniet li kienet iltaqgħet mal-eks raġel tagħha u li kien qabel li jagħtiha ċ-ċekk biex tkopri kontijiet tad-dawl pendenti. Hussein ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li qatt ma awtorizza li ċ-ċekk jiġi msarraf. Huwa żied li kien hemm każijiet oħra fejn hija talbitu flus.
Debono allegat ukoll li ċ-ċekk kien ingħatalha bil-kundizzjoni li tgħinu f’applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, iżda l-provi wrew li l-applikazzjoni kienet diġà ġiet sottomessa qabel ma sar ir-rapport lill-Pulizija. Fil-kontro-eżami, Hussein spjega li l-indirizz tal-VAT kien għadu dak l-antik għax kien ġie infurmat biex ikompli juża l-istess ktieb tal-VAT sakemm jintemm, minkejja li kien innotifika lill-awtoritajiet dwar il-bidla fl-indirizz.
Rita Farrugia, maniġer tal-Frodi u Investigazzjonijiet fl-HSBC, qalet li l-bank ma jivverifikax jekk il-firma jew il-kitba fuq iċ-ċekk humiex tal-benefiċċjarju. Spjegat li l-proċedura hi li jiġi ċċekkjat li ċ-ċekk iġorr il-firma tal-benefiċċjarju, tiġi identifikata l-persuna quddiem il-bank, u jsir il-ħlas. Parti mis-somma tħallset fi flus kontanti u parti ġiet depożitata fil-kont ta’ Debono.
Il-Qorti osservat li l-akkużata ammettiet li kitbet l-isem u n-numru tal-identità tal-eks raġel tagħha fuq iċ-ċekk u li sussegwentement isarrfitu, att li jikkostitwixxi falsifikazzjoni materjali. Madankollu, minħabba xhieda kunfliġġenti u nuqqas ta’ prova ċara ta’ qerq, l-akkuża ta’ frodi ġiet miċħuda
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.
//= $special ?>

