Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkundannat lil Octavian-Viorel Piticariu, ta’ 39 sena, għal piena ta’ 17-il sena priġunerija effettiva u multa ta’ €23,000 wara li ammetta li importa, kellu fil-pussess u assoċja ruħu għat-traffikar ta’ 15-il kilo kokaina b’purità ta’ 55.7%.
Il-każ imur lura għas-26 ta’ Jannar 2024 meta, waqt operazzjoni konġunta tal-Pulizija u d-Dwana fis-Sea Port Terminal tal-Virtu Ferries fil-Marsa, twaqqfet vettura Volkswagen Touareg li kienet għadha kemm niżlet mill-katamaran minn Pozzallo, Sqallija.
Wara spezzjonijiet u scanning bl-X-ray, instabu kompartimenti moħbija fil-vettura fejn kien hemm 15-il pakkett blu mimlija kokaina. L-analiżi forensika kkonfermat kemm is-sustanza kif ukoll il-piż u l-purità għolja tagħha.
L-akkużat, li twieled fir-Rumanija u ma kellux residenza fissa f’Malta, kien akkużat taħt tliet kapijiet: importazzjoni ta’ droga kokaina, pussess aggravat f’ċirkostanzi li juru li ma kienx għall-użu esklużiv tiegħu, u assoċjazzjoni għat-traffikar tad-droga. Quddiem il-Qorti, huwa rreġistra ammissjoni fil-preżenza tal-avukat tiegħu u interpretu, u ntlaħaq ftehim ta’ patteġġjament mal-Avukat Ġenerali skont l-artikolu 453A tal-Kodiċi Kriminali.
Il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija, il-kwantità sostanzjali tad-droga u l-purità tagħha, kif ukoll il-ġurisprudenza dwar tnaqqis fil-piena f’każ ta’ ammissjoni. Hija ddeċidiet li taderixxi mal-ftehim konġunt tal-partijiet u sabet lill-akkużat ħati tat-tliet reati kollha.
Minbarra s-17-il sena ħabs u l-multa ta’ €23,000 – li trid titħallas fi żmien sena inkella tiġi kkonvertita f’terminu addizzjonali ta’ priġunerija – il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern tal-oġġetti kollha marbuta mar-reati u ta’ kull flejjes jew proprjetà oħra tal-ħati.
L-akkużat ġie wkoll ordnat iħallas €5,391.71 fi spejjeż tal-periti, li jekk ma jitħallsux fi żmien sena jiġu kkonvertiti f’priġunerija skont il-liġi.
Finalment, il-Qorti ordnat li d-droga esebita tinqered taħt superviżjoni, sakemm l-Avukat Ġenerali ma jindikax li hija meħtieġa għal proċeduri oħra kontra terzi persuni.
//= $special ?>

