Sport

Attard Edex Kings jirbħu r-round tal-ftuħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA

Attard Edex Kings rebħu r-round tal-ftuħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-Malta Amateur Football Association u eventwalment kisbu l-promozzjoni għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

It-tim immexxi minn Elliott Navarro kiseb 22 punt minn tmien partiti wara seba’ rebħiet u draw u kien l-iktar wieħed konsistenti sa issa matul l-istaġun.

Fit-tieni post spiċċaw Gudja Wanderers li ġabu total ta’ 16-il punt, punt aktar minn Swieqi United AFC li temmew l-ewwel round bi 15-il punt.

Sadanittant wara li St Paul’s Bay NMFC irtiraw mill-kampjonat, il-Malta Amateur Football Association iddeċidiet li tbiddel il-format tat-tieni round hekk kif issa t-timijiet se jibdew il-kampjonat b’zero punti u eventwalment kull tim jilgħab tmien logħbiet oħra.

Ir-rebbieħ tat-tieni round jew aħjar ir-round tal-għeluq jilgħab kontra Attard Edex Kings f’finali għar-rebħ tal-kampjonat.

It-tieni round tat-tieni diviżjoni jibda fit-28 ta’ Frar bil-logħbiet li se jintlagħbu fil-grawnds ta’ Marsaxlokk u Qormi.